Lokali

Il-MaltaToday tgħid li Stagno Navarra qed jilgħab “logħba perikoluża”

Il-propagandista tal-Labour Karl Stagno Navarra mill-ġdid fl-aħbarijiet – u mill-ġdid f’nofs kontroversja dwar il-mod perikoluż li bih qed irewwaħ sentiment ta’ politika konfrontazzjonali. Dan hekk kif Stagno Navarra stess tella’ videos jikkwota lil Mussolini u jitkellem dwar “tpattija”.

Ilbieraħ, il-paladin tal-Partit Laburista għażel li jmur Tas-Sliema fejn jgħix l-avukat Jason Azzopardi. U hemm – apparti li għamel video sħiħ jitkellem fuq il-parkeġġ ta’ Azzopardi illi tneħħa – ikkonfronta lill-istess avukat. Bil-MaltaToday tgħid li l-Pulizija neħħew dan il-parkeġġ riservat wara video ieħor li kien poġġa’ online l-istess Karl Stagno Navarra – li kien trattat daqs li kieku ġurnalist!

Il-MaltaToday irrimarkat ukoll illi kien hemm bosta uffiċjali tal-Gvern u nies prominenti miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li appoġjaw dak li għamel Karl Stagno Navarra u anke għamlu like fuq Facebook. U l-gazzetta insistiet li Stagno Navarra qed jilgħab logħba perikoluża ferm.