Lokali

“Il-Parlament għandu d-dmir jiddiskuti r-rapport tal-ombudsman fuq il-ħabs b’urġenza” – Repubblika

Repubblika tikkundanna d-deċiżjoni tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati li jirrifjuta talba tal-Oppożizzjoni biex ikun diskuss ir-rapport tal-Ombudsman dwar il-qagħda fil-ħabs.

Huma inkwetati li r-rappreżentanti tal-poplu mhumiex jitħallew jiddiskutu materja gravi li tolqot id-drittijiet fundamentali. Minbarra dan, id-deċiżjoni għal darb’ oħra tgħaddi l-messaġġ li l-Parlament ma jagħtix importanza lix-xogħol tal-Ombudsman, li hu Uffiċċjal tal-Parlament, maħtur unanimament mid-deputati, propju biex jistħarreġ nuqqasijiet fl-amministrazzjoni pubblika.  

Deċiżjonijiet bħal dawn fakkru Repubblika f’oħrajn li l-istorja uriet li kienu żbaljati, bħal per eżempju d-deċiżjoni fl-1980 li l-Parlament ma jiltaqax ħalli jiddiskuti l-qtil ta’ Nardu Debono fid-Depot tal-Pulizija.  Erbatax-il sena wara, il-Kummissarju tal-Pulizija involut kien instab ħati tal-qtil tiegħu.

Madankollu saħqu, li id-deċiżjoni tal-Ispeaker tal-bieraħ tinkwetana aktar għax hija waħda minn sensiela ta’ deċiżjonijiet tal-Ispeaker li fl-opinjoni tagħna qed iwasslu l-Parlament biex ikun it-timbru tal-Gvern aktar milli l-istituzzjoni fejn isir l-iskrutinju tax-xogħol tal-Gvern.  Il-Kostitituzzjoni ta’ pajjiżna tipprovdi biex il-Parlament ikun l-għassies fuq il-Gvern u mhux il-protettur tiegħu; il-Parlament hu sovran; il-Gvern huwa biss qaddej.

Id-diskors li l-Parlament huwa l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u l-gwardjan tad-demokrazija u tal-benesseri ta’ kull min jgħix f’pajjiżna huwa paroli vojt jekk ma jitħalliex jagħmel dmiru li jgħasses fuq dak li jagħmel l-eżekuttiv.

Huma żiedu kif hemm aspett ieħor inkwetanti fid-deċiżjoni tal-Ispeaker għaliex tikkonferma li l-Parlament qiegħed sistematikament jinjora t-trattament inuman u degradanti ta’ kategoriji ta’ nies li ttiħdetilhom il-libertà għal raġuni jew oħra: minbarra nies li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ priġunerija, hemm oħrajn li qegħdin jistennew li jgħaddu ġuri, immigranti irregolari miżmuma f’ċentri ta’ detenzjoni, u pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli. Kemm-il darba l-pubbliku jsir jaf bi trattament ħażin jew kundizzjonijiet degradanti u inumani f’dawn il-faċilitajiet.

Sistemi ta’ kustodja li jkasbru d-dinjità u d-drittijiet ta’ dawk li għandhom iħarsu huma sinjal mhux biss ta’ amministrazzjoni ħażina, imma kemm-il darba juru li l-Istat qabad it-triq lejn ċaħda ġenerali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tkasbir tad-drittijiet ċiviċi. Dak li jseħħ illum f’ħabs, f’ċentru ta’ detenzjoni, jew fi sptar mentali, għada jsir in-norma għal kulħadd. Għalhekk, inħeġġu lin-nies biex ma jaqgħux fin-nassa li jaħsbu li dak li ġara fil-ħabs m’għandux jinkwieta lilhom. Nappellaw ukoll lid-deputati kollha li għandhom għal qalbhom id-dinjità tal-bniedem biex itennu t-talba li l-Parlament jiddiskuti r-rapport tal-Ombudsman