Il-Malta Eurovision Song Contest se jkun qed jibda llejla, bl-ewwel semi-finali fid-9pm – serata li se issir fiċ-Ċentru tal-MFCC f’Ta’ Qali. Il-Malta Eurovision 2025 għandu format ta’ żewġ semi-finali. U kull waħda se tinkludi 12-il kanzunetta. Minn kull semi-finali, tmien artisti se jgħaddu għall- Finali ta’ nhar is-Sibt li ġej.
L-għażla tar-rebbieħ, li se jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest f’Basel, l-Iżvizzera, fit-tieni semi finali tal-Ħamis 15 ta’ Mejju, se tkun determinata minn taħlita ta’ voti mill-ġurija u mill-pubbliku.
L-ordni għall-prestazzjonijiet tal-lejla se jkunu dawn:
Mark Anthony Bartolo – “Hideaway”
Dre’ Curmi – “Te amo”
Raquela Dalli – “Silenced”
Kristy Spiteri – “Heaven Sent”
Matthew Cilia – “Control”
Marie Claire – “Wildflower”
Justine Shorfid – “Still I Rise”
JVF (Jessika, Victorio, Fabrizio) – “Festa (No Time for Siesta)
Adria Twins – “Qalb ma’ qalb”
Haley Azzopardi – “Whistleblower”
Victoria Sciberras – “Juno”
Kurt Calleja – “Aziz/a”
Malta ddebuttat fil-Eurovision Song Contest fl-1971 u kienet rappreżentata minn Joe Grech u l-kanzunetta “Marija L-Maltija”, li spiċċat fl-aħħar post. Matul id-disgħinijiet Malta spiċċat darba biss barra mill-ewwel 10, u fl-1998 konna 7 punti biss ta’ distakk għar rebħ tal-Eurovision. Kienet propju l-kantanta Chiara li ġabet lill-pajjiżna fit-tielet post fl-1998, u li imbgħad kienet spiċċat ukoll fit-tieni post fil-konkors tal-2005 f’Kiev. L-unika artista oħra li spiċċat fit-tieni post għal Malta kienet Ira Losco, li kienet 12-il punt bogħod mir-rebħa lura fl-2002.
L-ewwel semifinali se tixxandar diretta fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali ta’ Malta, u se tkun disponibbli wkoll għat-telespettaturi internazzjonali permezz ta’ pjattaformi ta’ streaming online.
//= $special ?>