Żagħżugħ ta’ 28 sena mill-Pietà tressaq il-Qorti akkużat bl-importazzjoni ta’ madwar kilo u nofs droga cannabis. Isaac Camilleri li wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin baqa’ miżmum taħt attest. Fil-Qorti ħareġ li d-droga waslet id-Dwana, b’ Camilleri stess iċempel biex jiġbor il-pakkett.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-imputat jgħix m’ommu, missieru u ħuh, ma jiħux droga, u mill-investigazzjoni li saritlu, ma nstabitx droga fid-dar. Qalet li l-investigazzjoni għadha fi stadju bikri u hemm il-possibilità ta’ involviment ta’ terzi.
Fil-Qorti, wara li l-imputat wieġeb mhux ħati, ommu daħlet terz garanti għalih. Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u qalet li l-fedina penali tal-imputat mhijiex waħda allarmanti, u m’hemmx biżgħat ta’ ħarba, li ma jattendix il-Qorti jew ma joqgħodx għall-ordnijiet tagħha, jew li jwettaq reati oħra.
Madanakollu l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għadu stadju bikri, u minħabba l-akkużi u ċ-ċirkostanzi tal-każ.
//= $special ?>