Lokali

L-Ornitoloġija f’Malta b’midalji barra minn xtutna fil-kampjonat dinji

Bħal kull sena d-dilettanti tal-Ornitoloġija ħadu sehem fil-kampjonat mondjali, l-ogħla esibizzjoni tal-għasafar li tiġi organizzata mill-Confederation Ornithlogque Mondiale (C.O.M), li fi ħdanha għandha 49 pajjiz madwar id-dinja. Din is-sena Malta kisbet l-akbar ammont ta’ midalji – dak ta’ 100, bi 42 tad-deheb, 32 tal-fidda u 26 tal-bronż.

Kull sena din l-esibizzjoni ssir f’pajjiż differenti, u din is-sena kien imiss li ssir fil-Portugal. Din l-esibizzjoni ttellgħet bejn is-17 ta’ Jannar u s-26 ta’ Jannar 2025 u li fiha kien hemm ‘il fuq minn 23,000 għasfur esibit li ġejjin minn 22 pajjiż differenti madwar id-dinja, li fosthom hemm ukoll tal-Maltin.

Din is-sena l-Maltin esibixxew 361 għasafur li fosthom insibu għasafar eżotiċi, tipi differenti ta’ kanali, tipi ta’ gamiem u summien, kif ukoll għasafar ta’ Fauna Ewropea, jew aħjar kif insibuh aħna l-Maltin, dawk tal-għana.

Dawn l-esibituri ġejjin minn diversi klabbs tal-għasafar, affiljati mal-Klabb Bird Breeders Association C.O.M Malta. Il-klabb imsieħba huma Malta Cage Bird Association, Songbirds Association Malta, Exotic Finch Association, Assoċazzjoni Kanali Kulur Malta, Malta Gloster Breeders Society u Malta Gloster Association.

Malta bdiet tieħu sehem f’din l-esibizzjoni fl-1998 fejn mill-ewwel irnexxielna nirbħu xi midaljaja jew tnejn.