Sport

Qormi Daikin b’punti massimi fit-tmiem l-ewwel round tal-Hockey 5s

Qormi Daikin temmew fl-ewwel post tal-klassifika fi tmiem l-ewwel round tal-Hockey 5s meta rebħu t-tliet logħbiet li lagħbu.

It-tim immexxi minn Andre Ghio għeleb lil Floriana Young Stars 5-4, lil White Hart 12-1 u GREE Żurrieq Wolves Hotsticks 9-1 sabiex sa issa jinsabu b’punti massimi fil-kompetizzjoni.

F’aktar partiti li ntlagħbu, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks għelbu lil White Hart 8-4, Floriana Young Stars rebħu 7-3 kontra GREE Żurrieq Wolves Hotsticks filwaqt li White Hart kisbu rebħa ta’ 3-2 kontra Floriana Young Stars.

Fil-klassifika, Qormi Daikin għandhom 6 punti filwaqt li GREE Żurrieq Wolves Hotsticks, Floriana Young Stars u White Hart jinsabu b’2 punti kull wieħed.

Il-Hockey Association Malta qalet fi stqarrija, li din il-kompetizzjoni hi waħda innovattiva hekk kif tkompli l-ħidma tagħha biex iżżid il-parteċipazzjoni f’din il-logħba. Matul l-istaġun li għadda nxtara apparat apposta li bih ikun jista’ jintlagħab dan il-logħob u kien sar festival sabiex il-plejers jibdew jilagħbu din il-logħba meqjusa waħda b’pass aktar veloċi.

Sadanittant, Qormi Daikin rebħu l-Kampjonat ta’ taħt is-16-il sena wara li għelbu lil Floriana Young Stars 5-1. Għal Qormi skorjaw Zachary Farrugia u Liam Carabott darbtejn kull wieħed flimkien ma’ gowl minn  Ben Falzon.

Dan kien it-tieni suċċess fuq livell ta’ żgħażagħ għal Qormi wara li ftit tal-ġimgħat ilu rebħu wkoll il-Kampjonat ta’ taħt it-18-il sena.