Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa kollha l-fastidju u l-intimidazzjoni li l-Avukat Jason Azzopardi qed ikun suġġett għalihom minn individwi qrib il-Gvern Laburista, fosthom Karl Stagno Navarra. Dan l-att ta’ aggressjoni, li jinkludi fastidju fiżiku u konfrontazzjonijiet deliberati, huwa eżitu dirett tal-kampanja ta’ attakki koordinati mwettqa mill-Prim Ministru Robert Abela u l-klikka tiegħu. L-aggressjoni diretta li qed issir fil-konfront tal-Avukat Azzopardi mhijiex każ iżolat.
Il-kultura ta’ mibegħda li Robert Abela bena kontra min ma jaqbilx miegħu qed twassal għal attakki immirati, li jpoġġu fil-periklu s-sigurtà ta’ individwi ċivili u jheddu d-demokrazija f’pajjiżna. Il-fastidju li ġie espost f’dan l-aħħar każ hu parti minn strateġija ċara ta’ intimidazzjoni li ilha teżisti taħt dan il-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bil-qawwa kollha l-intimidazzjoni minn Karl Stagno Navarra u esponenti oħra qrib il-Gvern, li qed jaġixxu b’impunità ċara.
Il-Prim Ministru Robert Abela għandu obbligu li jikkundanna b’mod pubbliku l-fastidju li qed isir minn attivisti Laburisti. Barra minn hekk, il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jieħu azzjoni immedjata u jiżgura li Jason Azzopardi jingħata l-protezzjoni kollha meħtieġa kontra dawn l-attakki koordinati.
Il-Prim Ministru għandu jwaqqaf din il-politika ta’ vendikazzjoni u jirrikonoxxi li huwa responsabbli għall-klima ta’ mibegħda li ħoloq f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi lil dawk li huma fil-mira ta’ din il-persekuzzjoni politika u ma jibżax jiffaċċja r-reġim tal-biża’ li Robert Abela qed jipprova jsaħħaħ.
//= $special ?>