Il-Prim Ministru Robert Abela u sħabu fil-Kabinett ma jridux jintavolaw id-dikjarazzjonijiet tal-assi Ministerjali tagħhom – prassi li sena wara oħra kienet issir, u li Abela qabad u waqqafha.
Fl-aħħar 24 siegħa, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi ta’ raġun lill-PN…u kiteb ittra lill-Prim Ministru Robert Abela fejn appellalu biex dawn id-dikjarazzjonijiet jitqiegħdu fuq il-medja tal-Kamra tar-Rappreżentanti kemm jista’ jkun malajr.
Madanakollu għal xi raġuni jew oħra, Abela qed jibqa’ jistina rasu u jaħbi dawn id-dikjarazzjonijiet …illi fihom ikollhom kontenut ta’, fost oħrajn, xi proprjetà għandhom il-Membri tal-Kabinett u kemm daħlu flus matul is-sena – inkluż il-Prim Ministru nnifsu.
Fl-aħħar jiem Net News staqsa lil Robert Abela nnifsu biex juri lill-ġurnalisti d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Membri tal-Kabinett – madanakollu l-Prim Ministru ħarab mid-domanda, u minflok ikkwota lill-Ispeaker.
Fil-verità l-Ispeaker Anġlu Farrugia kull ma lissen kien li m’għandux għalfejn jintavolahom, prassi li ilha ssir snin, imma l-ġurnalisti jistgħu jitolbu biex jarawhom. Madanakollu, il-Kummissarju tal-Istandards ta ċamata lill-Prim Ministru u appellalu biex jintavolahom mill-aktar fis.
Net News staqsa lill-Ministri Miriam Dalli u Chris Bonett dwar dan kollu; b’Dalli tisħaq li hi daħlithom u ċioè farfritha fuq Robert Abela, u l-Ministru tat-Traffiku stqarr li għad trid tiġi diskussa.
Il-Kummissarju tal-Istandards spjega li jekk irid iwettaq xi tibdil dwar din il-prassi, Robert Abela għandu jsejjaħ konsultazzjoni pubblika, iżda sadanittant għandu xorta waħda jintavola d-dikjarazzjonijiet.
B’rabta ma’ dan staqsejna lill-Ministri, b’dawn spiċċaw imeru lill-Kummissarju nnifsu filwaqt li reġgħu tennew li għad iridu jiddiskutu għalfejn Abela qed jaħbilhom l-assi tagħhom.
Għaldaqstant id-domanda tiġi awtomatika: għalxiex Robert Abela qed imur kontra prassi li ilha ssir snin, u x’inhi r-raġuni li daħal għal dan l-istress kollu la darba m’għandu xejn x’jaħbi? Lil min jew x’qed jiprova jgħatti l-Prim Ministru?
Mistoqsijiet li jekk għandu rispett lejn l-istituzzjonjiet f’pajjiżna Robert Abela u sħabu jistgħu jweġbuhom mingħajr aktar telf ta’ żmien.
//= $special ?>