Raġel ta’ 35 sena residenti Ħaż-Żabbar ġie kundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati ta’ vjolenza domestika li kienet tinkludi theddid fuq is-sieħba tiegħu quddiem it-tifla tagħhom, li taha fastidju u kiser żewġ kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti fuq każi differenti.
Bertram Zahra nstab ħati wkoll li kkawża biża’ lill-vittma, ikkawża ħsara ta’ madwar €750 lill-oġġetti tal-vittma, li għajjarha u li kiser il-paċi pubblika. Huwa nstab ħati wkoll li huwa riċediv. Huwa kien qed jikkontesta l-akkużi kollha miġjubin kontrih.
Il-vittma xehdet quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li, fl-2021, meta beda l-każ fil-Qorti – kienet ilha tmien snin f’relazzjoni mal-akkużat u kellhom tifla flimkien. Ġimagħtejn qabel ma seħħ il-każ, hi kienet temmet ir-relazzjoni bejniethom wara li l-akkużat beda jgħajjat magħha u jkisser l-affarijiet fid-dar.
Minħabba dan l-aġir, il-vittma telqet mid-dar ma’ bintha b’ta’ fuqha senduqa iżda minħabba li laħqu ftehim bejniethom li jibqa’ jara t-tifla, hi baqgħet tkellmy kuljum. Il-vittma qalet li Zahra ma riedx jaċċetta li r-relazzjoni kienet waslet fi tmiemha, bil-vittma tgħid li hu kien qed jirrifjuta li jfittex l-għajnuna psikoloġika għar-rabja li kellu u l-ADHD.
Qalet li f’Settembru ta’ dik is-sena, l-akkużat qalilha li jekk ma kinitx se tirranġa miegħu, ma kienx se iħalliha toħroġ ma’ ħaddieħor u tgħix ħajjitha bil-kwiet. L-għada, seħħ argument ieħor bejn Zahra u l-vittma meta ma qablux fuq il-ħinijiet tal-aċċess għat-tifla.
Wara li mar ħdejha biex jerġa’ jitlobha tagħtih it-tifla, spiċċa biex ħadilha l-mowbajl u ordnaha tagħtih in-numru tal-PIN tal-mowbajl “sabiex jara lil min kienet qed tibgħat messaġġi”. Meta l-vittma rrifjutat dan, hu ħadulha u wara waddabulha fit-triq bil-konsegwenza li nkiser l-iskrin.
Wara, spiċċa rvilla u ta daqqa ta’ sieq fil-bieba tal-karozza u xaqqaq il-windscreen tagħha. Dan kollu seħħ waqt li t-tifla kienet rieqda fil-karozza. Waqt dan kollu, il-vittma bdiet issuq lejn l-Għassa tal-Pulizija ta’ Marsaskala biex tagħmel rapport iżda meta rat lill-akkużat hemmhekk, minflok saqet lejn l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-Qorti tagħti ċamata lill-Avukat Ġenerali
Waqt li kienet qed tagħmel ir-rapport, Zahra ċemplilha mat-80 darba quddiem il-pulizija. Qabel ma tat is-sentenza, il-Qorti ilmentat li l-Avukat Ġenerali damet sentejn sħaħ tibgħat rinviju wara l-ieħor biex jixhdu l-pulizija minkejja li l-Prosekuzzjoni kienet diġà ddikjarat li ma kellhiex aktar provi xi tressaq.
“Fil-fehma tagħha, dan huwa każ klassiku ta’ amministrazzjoni ħażina tal-ġustizzja minn naħa tal- Avukat Ġenerali għad-detriment tal-imputat kif ukoll tal-vittma b’ħela ta’ ħin enormi wkoll għall-Pulizija, il-Qorti u l-istaff amministrattiv”, saħqet il-Qorti li kkundannat dan l-aġir.
Il-Qorti qalet li l-verżjoni tal-vittma hija ferm aktar veritiera milli dik ta’ Zahra u semmiet il-messaġġi li bagħtilha li fihom heddidha li “bi kbira tkun” jekk ma tagħtihx it-tifla u jirranġaw bejniethom. Hi sostniet li l-ħafna messaġġi li bagħtilha u l-attentati ripetuti biex iċemplilha ħolqu sitwazzjoni oppressiva għall-vittma biex tirrikonċilja miegħu sabiex jieqaf idejjaqha.
Qalet ukoll li dan kollu jrid jittieħed f’kuntest li l-vittma qatt ma rrifjutat li tħalli lill-akkużat jara lil bintu. Fid-dawl u li sar reċediv, Zahra ġie kkundannat sentejn ħabs u ġew konfiskati €11,000 li kien ħallas biex jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq żewġ każi differenti.
Hu ġie ordnat iħallas €1,753 fi spejjeż tal-Qorti u jħallas €791 lill-vittma għall-ħsara li għamlilha. Ġie ordnat ukoll ma javviċinax lill-vittma għal sentejn u jsegwi programm ta’ trattament biex jegħleb il-vizzju tad-droga, jindirizza r-rabja li għandu u jieħu l-kura għall-ADHD. L-Ispettur Eman Hayman mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>