Lokali

Taħt Gvern Laburista l-familji u n-negozji Maltin mhumiex ilaħħqu mal-piż tal-għoli tal-ħajja – PN

L-istampa sabiħa li qed jipprova jpinġi l-Gvern hi biss illużjoni; il-PN b’lista ta’ miżuri biex jgħin lin-negozji u lill-familji

L-istampa sabiħa li qed jipprova jpinġi l-Gvern ta’ Robert Abela mhi xejn għajr illużjoni; il-verità hi li għandna familji u negozji li mhux ilaħħqu mal-piż tal-għoli tal-ħajja, bil-biċċa l-kbira tan-negozji mħassba dwar it-triq ħażina li qabad il-pajjiż u bosta familji li qed ibatu biex iġebbdu l-paga sal-aħħar tax-xahar.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għas-Self Employed u l-Intrapriżi ż-Żgħar Robert Cutajar, ix-Shadow Minister għall-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, u x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia spjegaw li l-kriżi tal-għoli tal-ħajja qed tkompli tagħfas fuq il-familji u n-negozji f’Malta.

Fl-aħħar jiem, stħarriġ ikkummissjonat miċ-Chamber of SMEs kkonferma mill-ġdid l-inċertezza li qed jiffaċċjaw in-negozji, b’76% tas-sidien tan-negozji jemmnu li l-pajjiż miexi fid-direzzjoni l-ħażina.

Fl-istess ġranet rajna wkoll għadd ta’ żidiet fi prezzjijiet għal servizzi u prodotti differenti li se jagħmluha aktar diffiċli għal dawk li diġà qed ibatu biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar.

Dan jikkuntrasta kompletament mal-istampa sabiħa li l-Gvern qed jipprova jpinġi, u jikxef kemm hu maqtugħ mir-realtà.

Il-PN jaf li n-negozji qed ikollhom jassorbu żidiet fl-ispejjeż, imma dan iwassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. U l-Gvern, minflok ma jindirizza l-għeruq tal-problema, qed ikompli jagħmilha diffiċli għan-negozji biex jaħdmu u għall-familji biex ilaħħqu mal-ħajja ta’ kuljum.

Minbarra l-inkwiet dwar iż-żieda fl-ispejjeż, is-sidien tan-negozji huma mħassba wkoll dwar in-nuqqas ta’ governanza tajba, il-korruzzjoni u t-tkabbir bla rażan tal-popolazzjoni, fatturi li qed jikkontribwixxu għall-instabbiltà ekonomika.

Il-PN qed jibqa’ jinsisti mal-Gvern biex jieħu azzjoni immedjata u jimplimenta l-proposti li ilhom li ġew ippreżentati mill-Oppożizzjoni u li għandhom l-appoġġ ta’ diversi għaqdiet fosthom iċ-Chamber of SMEs.

Il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali bħall-ħalib, l-ilma u xorb ieħor, u servizzi ta’ telekomunikazzjoni li jew żdiedu f’dawn l-aħħar ġranet, inkella se jiżdiedu, qed ikomplu jżidu l-pressjoni fuq il-familji Maltin. Imma minkejja dan, il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u jibqa’ jintaxxa l-COLA li l-għan tagħha hu li ttaffi mill-impatt tal-prezzijiet dejjem jogħlew.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi tax credits lil min iħaddem biex l-employers ma jgħaddux l-ispejjeż tal-COLA lill-konsumatur, kif ukoll qed jipproponi tnaqqis fit-taxxa għal kulħadd minn 35% għal 25% u 15% b’rabta ma’ investiment, biex isaħħaħ in-negozji u l-impjiegi mingħajr ma jogħlew il-prezzijiet.

Il-PN għandu pjan ċar u strutturat biex inaqqas il-piż finanzjarju minn fuq in-negozji u l-familji. Dawn jinkludu:

1.        It-tneħħija tat-taxxa fuq il-COLA, biex il-ħaddiema jieħdu l-ammont sħiħ fil-pagi tagħhom,
2.        Inċentivi fiskali lill-employers biex iż-żidiet fil-pagi ma jissarrfux fi prezzijiet ogħla għall-konsumatur, 
3.        Il-ħolqien ta’ fond nazzjonali biex jistabbilizza u jassorbi kemm jista’ l-ispejjeż tal-importazzjoni u esportazzjoni, li bħalissa qed jispiċċa jħallas għalihom il-konsumatur,
4.        Mudell ekonomiku u soċjali ġdid li jiffoka fuq impjiegi ta’ kwalità u tkabbir sostenibbli, sabiex ikollna pagi aħjar u l-istandard tal-għajxien jitjieb.

Stħarriġ wieħed wara ieħor qed juri li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ċara. Stħarriġ f’gazzetta lokali qal li 70% tal-popolazzjoni qed tgħid li l-pajjiż, u allura l-Gvern, miexi f’direzzjoni ħażina. Skont l-SME Barometer, li ġie żvelat ġranet ilu, ftit inqas minn 80% tas-sidien tan-negozji qed jgħidu li mexjin f’direzzjoni ħażina. Studju intensiv tal-Caritas f’Malta, irriżulta li l-ispiża tal-ikel minn Lulju 2020 sa Marzu 2024, għal familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal, żdiedet b’49.9% fuq l-istess prodotti.

U fid-dawl ta’ dawn il-fatti, għandna Gvern tad-delays, li jkaxkar saqajh fuq kollox, u li meta jiġi dahru mal-ħajt joħroġ b’xi gimmick ta’ kafkaf biex jidher li taparsi għamel xi ħaġa.

Kull ġurnata li tgħaddi mingħajr azzjoni serja u pjan fit-tul qed tagħmel il-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin dejjem aktar diffiċli. Il-pajjiż għandu bżonn bidla, u din il-bidla tista’ tiġi biss minn Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista.