Internazzjonali

Tiħrax il-Gwerra tat-Tariffi….Biċ-Ċina twieġeb lil Trump permezz ta’ miżuri li jsiru effettivi fi ftit jiem oħra

Il-‘gwerra tat-tariffi’ dikjarata mill-President Amerikan, Donald Trump, diġà bdiet tħalli r-riperkussjonijiet li għandhom iħallu impatt negattiv għall-kummerċ globali kollu.

Dan meta ċ-Ċina konfermat li għandha timponi t-tariffi – jew dazji – ‘addizzjonali u ta’ ritaljazzjoni’ fuq il-prodotti li jaslu f’pajjiżha mill-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, daħlet fis-seħħ it-tariffa ġdida ta’ għaxra fil-mija li Trump kien ilu jaħseb biex jimponi fuq iċ-Ċina, fost l-akkużi li l-uffiċjali f’Beijing ‘iggwadanjaw mid-dgħjufija u politika ħażina tal-Gvern Amerikan preċedenti’.

Intant, it-tariffi min-naħa taċ-Ċina għandhom jinkludu taxxa ta’ importazzjoni ekwivalenti għal 15 fil-mija fuq il-faħam u l-liquefied gas esportati mill-Istati Uniti. Din it-tariffa għandha tapplika wkoll għaż-żejt mhux irraffinat, il-makkinarju agrikolu, it-trakkijiet ‘pick-up’ u anki xi karozzi sportivi.

Dawn it-tariffi għandhom jidħlu fis-seħħ mill-10 ta’ Frar u d-data hi importanti għaliex tfisser li għad fadal iż-żmien biex iċ-Ċina u l-Istati Uniti – bħala l-akbar żewġ ekonomiji fid-dinja – jibqgħu lura minn ‘traġedja ekonomika’ fit-tul li minnha jbati kulħadd.

Intant, it-tariffa ġdida tal-Istati Uniti għall-prodotti impurtati miċ-Ċina saret effettiva mill-ewwel minuti tat-Tlieta u minkejja l-indikazzjonijiet li l-Gvern ta’ Trump seta’ jipposponi din il-miżura.

Dan ukoll meta l-Istati Uniti, għalissa, qed iżżomm lura tariffi ġodda simili – f’dan il-każ ekwivalenti għal 25 fil-mija – fir-rigward tal-Kanada u l-Messiku….Sitwazzjoni li kienet irrealizzata wara taħditiet tal-aħħar minuta bejn l-ogħla uffiċjali f’Washington, Ottawa u l-Belt tal-Messiku.

Li kieku dawn it-tariffi daħlu fis-seħħ, il-Kanada u daqstant ieħor il-Messiku, kienu lesti biex jirritaljaw bl-istess mod.