Lokali

Tirrakkonta kif beżgħet li kien se joqtolha, u għalhekk ħarbet mill-gallarija

It-tfajla minn Sardenja Claudia Chessa irrakkontat għall-ewwel darba l-esperjenza tal-biża’ li għaddiet minnha meta kienet mal-għarus tagħha f’lukanda f’Paceville – każ li għall-Pulizija Maltija huwa magħluq, iżda għat-Taljani hija storja li l-awtoritajiet għadhom biss fil-bidu tagħha.

F’intervista li tat lill-istazzjoni Canale 5, Claudia Chessa spjegat il-biża’ li esperjenzat meta skont hi sfat aggredita minn Alessio Lupo. It-tfajla irrakkuntat ir-raġuni għaliex qabżet erba’ sulari għal fuq tinda fit-taraġ ta’ Paceville, proprju minħabba li bdiet tibża’ għal ħajjitha.

“Prova jifgani. U beda jiġbidli xagħri”, spjegat Chessa ma’ Pomeriggio Cinque.

Lupo, minn naħa tiegħu, qed jgħid li r-relazzjoni ta’ bejniethom kienet tossika. Dan filwaqt li ċaħad li imbuttaha għal isfel – xi ħaġa li kkonfermata hi stess.

Il-Pulizija Maltija kienet qalet lil Net News li dan kien kunsidrat bħala każ ta’ attentat suwiċidju; xi ħaġa li żgur ma jaqbilx mal-fatti kif deskritti miż-żewġ żgħażagħ Taljani. Lanqas l-awtoritajiet fl-Italja ma kkunsidrawh każ ta’ attentat suwiċidju.

Dwar dak li seħħ f’Paceville, ma kienet ħarġet ebda stqarrija mid-Depot.