Lokali Qorti

111-il professjonist mediku jressqu protest ġudizzjarju dwar diskriminazzjoni fis-settur pubbliku

Grupp ta’ 111-il professjonist mediku ppreżentaw protest ġudizzjarju kontra l-gvern wara li semma trattament diskriminatorju fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Il-protest, ippreżentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, jargumenta li t-tobba li jaħdmu esklussivament fis-settur pubbliku jirċievu remunerazzjoni ferm inqas mill-kontropartijiet tagħhom li jipprattikaw ukoll privatament, minkejja li jaqdu l-istess dmirijiet u jġorru l-istess responsabbiltajiet.

Il-profesjonsiti li jinkludu konsulenti, kirurgi, speċjalisti, u psikjatri jistqarru li din id-disparità tikser il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Huma jsostnu li filwaqt li jiddedikaw is-sigħat sħaħ tax-xogħol tagħhom lis-servizz tas-saħħa pubblika, huma kkumpensati b’mod inġust b’rata ferm iktar baxxa minn kollegi li jaqsmu l-ħin tagħhom bejn il-prattika pubblika u dik privata.

Fil-protest jissemma’ wkoll il-ftehim settorjali ffirmat bejn il-gvern u l-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) fit-18 ta’ Frar 2022. Skont it-talba, dan il-ftehim effettivament ħoloq sistema fuq żewġ livelli fejn dawk li jagħżlu li jaħdmu esklussivament fis-servizz pubbliku huma finanzjarjament żvantaġġati.

It-tobba li qed jipprotestaw u jargumentaw li huma ugwalment kwalifikati u jipprovdu l-istess standard ta’ ‘kura bħall-kontropartijiet tagħhom li jipprattikaw privatament. Minkejja dan, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma inferjuri, u jirċievu remunerazzjoni aktar baxxa. Jinsistu li dan l-iżbilanċ mhux biss huwa inġustifikabbli f’soċjetà demokratika, iżda jimmina wkoll id-drittijiet fundamentali tal-impjieg.

“Din hija kwistjoni ta’ prinċipju,” qal wieħed mill-firmatarji. “Professjonisti mediċi li jaħdmu full-time fis-settur pubbliku m’għandhomx jiġu penalizzati sempliċement għax għażlu li jiddedikaw ruħhom għal kollox biex jaqdu s-sistema nazzjonali tas-saħħa.”

Il-protest ġudizzjarju jwissi li din l-allegata diskriminazzjoni għandha konsegwenzi serji, mhux biss għat-tobba milquta iżda għas-sistema tal-kura tas-saħħa pubblika ta’ Malta kollha kemm hi. Il-firmatarji jargumentaw li s-sitwazzjoni attwali tiskoraġġixxi professjonisti b’talent milli jimpenjaw ruħhom għal servizz pubbliku full-time, li potenzjalment iwassal għal nuqqas ta’ persunal u kwalità mnaqqsa tal-kura għall-pazjenti.

Barra minn hekk, il-protest jgħid li l-ftehim jinċentiva lit-tobba biex jagħtu prijorità lill-prattika privata, u joħloq kunflitt ta’ interess li jista’ jikkomprometti l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-kura tas-saħħa pubblika.

“Qed naraw sistema fejn it-tobba tas-settur pubbliku jħossuhom kostretti li jfittxu xogħol privat sempliċement biex jiġu kkumpensati b’mod ġust,” stqarr protestant ieħor. “Dan mhux sostenibbli u huwa ta’ detriment għall-integrità tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna.”

It-tobba li pprotestaw poġġew lill-awtoritajiet f’dolo, mora et colpa, terminu legali li jfisser li jżommu lill-gvern responsabbli għal kondotta ħażina intenzjonata, dewmien, u negliġenza fl-indirizzar ta’ dawn id-disparitajiet. Qed jitolbu azzjoni korrettiva immedjata, billi jargumentaw li t-trattament tagħhom jikser id-drittijiet fundamentali tax-xogħol u l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni.

Fis-sottomissjoni legali tagħhom, it-tobba jargumentaw li l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali għandu jiġi rrispettat u li r-remunerazzjoni tagħhom għandha tiġi aġġustata skont dan. Huma wissew li n-nuqqas ta’ rettifika tas-sitwazzjoni jista’ jwassal għal aktar azzjoni legali.

Barra minn hekk, il-protest jenfasizza li din it-tilwima mhix sempliċiment kwistjoni ta’ kumpens finanzjarju iżda ta’ dinjità professjonali u ġustizzja.

Il-firmatarji ddikjaraw ir-rieda tagħhom li jżidu l-isforzi tagħhom jekk il-gvern ma jirrispondix b’mod xieraq.