Futbol Sport

Balzan jerġgħu jħabbru bidla fit-tmexxija teknika…Andrew Cohen hu l-kowċ il-ġdid tat-tim

Andrew Cohen
Andrew Cohen

Andrew Cohen se jkun għamel biss 12-il ġimgħa mingħajr impjieg fit-tmexxija ta’ klabb fil-Malta Premier, hekk kif illum Balzan F.C. ħabbru li l-eks plejer internazzjonali Malti, b’seħħ immedjat se jkun qed jieħu post il-kowċ Brittaniku Daryl Willard.


Dan tal-aħħar tneħħa mill-kariga ta’ kowċ mill-amministrazzjoni ta’ Balzan, wara l-aħħar żewġ telfiet li ġarrab it-tim fil-Malta Premier kontra Żabbar St Patrick u Marsaxlokk rispettivament, bl-iskor identiku ta’ 3-0.


Wara erba’ partiti mill-bidu tal-Closing Rawnd, Balzan għandhom l-aktar difiża vulnerabbli f’din il-fażi tal-Kampjonat, b’13-il-gowl maqgħluħ u tliet punti biss mirbuħa. L-istaġun għal Balzan qed jikkomplika ruħu mhux ftit, hekk kif l-iskwadra bdiet il-Kampjonat b’Dave Rogers bħala kowċ u Willard bħala l-assistant tiegħu. Il-proġett ta’ Rogers deher li se jkun wieħed interessanti, mibni fuq iż-żgħażagħ tant li l-akkwisti li saru kemm ta’ Maltin, kif ukoll barranin, kienu kollha ta’ plejer żgħar fl-etá.


Dak li ġara sal-lum għadu misteru, hekk kif wara 12-il partita mill-bidu tal-Kampjonat, Rogers sparixxa mit-tmexxija teknika ta’ Balzan u sal-llum il-klabb għadu qatt ma spjega x’wassal għat-tluq tiegħu. Ma nafux jekk Rogers telaqx hu jew tkeċċixix, u jekk tkeċċa fuq liema bażi.


Net Sports ninsabu infurmati, wara li kienu tkelmu magħna diversi plejers tal-istess tim, u persuni oħra vicin il-klabb ta’ Balzan, li Rogers kien tneħħa mit-tmexxija amministrattiva tal-klabb għar-raġunijiet serji u li jmorru lilhinn mir-riżultati miksuba. Madankollu dan id-dettall, minkejja d-diversi xniegħat fiċ-ċriki tal-futbol lokali, ma nistgħux nikkonfermahom għaliex Balzan qatt ma tkelmu dwarhom jew ikkonfermawhom.


L-assistant ta’ Rogers, Willard kien ħa t-tim f’idejħ u flimkien miegħu ssieħeb fl-istaff tekniku bħala assistant kowċ, l-eks skorer prolifiku ta’ Balzan fil-passat, il-Montenegrin Bojan Kaljevic.


Ir-riżultati ftit li xejn kienu aħjar jew tajbin, tant li Balzan temmew l-Opening Rawnd fil-11-il post u allura tal-anqas, se jkunu qed jilgħabu b’ċertezza play-off kontra r-relegazzjoni fit-tmiem tal-Kampjonat u sfaw eliminati mill-Meridianbet FA Trophy.


Bil-ħatra ta’ Cohen bħala kowċ, Balzan qed jittamaw li jinġettaw motivazzjoni ġdida fl-iskwadra u jsalvaw staġun. Cohen, li ġab il-liċenja PRO tal-UEFA fl-2024, sal-lum bħala kowċ għandu rekord ta’ 27 partita, kollha ma’ Gżira United, li matulhom hu rebaħ 11-il partita, tilef għaxar darbiet u temm draw f’sitt partiti.

Ma’ Gżira United, rajna lil Cohen jilgħab b’sistema ta’ 4-2-3-1 jew 4-3-3.