Lokali

Eks Ministru Laburista mistenni jsib ruħu Chairman tal-Malta Tourism Authority

Il-ġurnal ‘The Shift News’ żvela kif, Charles Mangion, ex Ministru Laburista fil-Gvern ta’ Alfred Sant, mistenni jieħu l-kariga ta’ Chairman tal-Malta Tourism Authority (MTA). Dan wara snin fil-Partit Laburista li jmorru lura mill-bidu tas-snin sebgħin.

Apparti min hekk Charles Mangion lura fl-2013 kien appuntat mill-ex Ministru Laburista Konrad Mizzi bħala Chairman tal-Enemalta, fl-istess waqt li saru deals bħal dak tal-Windfarms tal-Montenegro u l-bejgħ ta’ persentaġġ tal-istess Enemalta lill-Gvern Ċiniż.

Iktar tard fl-2017 hu ġie maħtur, mill-istess Konrad Mizzi, bħala Chairman tal-Airmalta – il-Kumpanijja li l-Labour stess wara li wiegħed li ser jinvesti l-miljuni fiha, tant li wiegħed anke titjiriet lejn id-Dubai u fl-Istati Uniti, xorta waħda spiċċa ddikjara falluta. B’Charles Mangion innifsu spiċċa ġie mġiegħel jirreżenja wara qbil kollettiv li l-Ministru Clyde Caruana stess ikkonferma li kompla jfalli l-linja nazzjonali.

Madanakollu fi żmien meta Robert Abela ħa t-tmun tal-Gvern tal-Labour, wara li Joseph Muscat kellu jirreżenja, Charles Mangion kien pjuttost assenti – però kif żvela ‘The Shift News’ l-istess Mangion, minkejja kollox, mistenni jsib ruħu fil-kariga ta’ Chairman tal-Malta Tourism Authority.