L-eks-chief of staff f’Kastilja Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi ġew akkużati b’ċitazzjoni l-Erbgħa filgħodu dwar pjanijiet biex jirċievu flus mill-kumpanija 17 Black ta’ Dubai, proprjetà ta’ Yorgen Fenech, li kienu akkużat ukoll. Is-seba’ persuni li tressqu wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kollha miġjubin kontrihom.
Magħhom ġew akkużati wkoll Paul Apap Bologna, azzjonist tal-Electrogas, Karl Cini, Brian Tonna u Mario Pullicino, flimkien ma’ diversi kumpaniji. Huma ġew mixlija b’reati serji li jinkludu ħasil ta’ flus, korruzzjoni, ‘trading in influence’ u assoċjazzjoni kriminali bil-Maġistrat Rachel Montebello tgħidilhom li dawn huma reati serjissimi. Konrad Mizzi waħdu ġie akkużat ukoll li ħa ġurament falz.
Dwar l-ordni ta’ qbid u ffriżar, il-Qorti lagħqet it-talba tal-prosekuzzjoni u ffriżat is-somma komplessiva ta’ €12-il miljun għall-akkużati nkluż erba’ akkużati u erba’ kumpaniji. Għal Fenech, ġew iffriżati €18-il miljun, €390,000 għal Apap Bologna u madwar €200,000 għal Pullicino.
Fi tmiem is-seduta, Il-Qorti kkonfermat il-ħatra tal-esperti wara li ħafna mill-avukati tad-difiża qalu li dawn huma l-istess esperti li kellhom x’jaqsmu ma’ każijiet oħra fosthom b’rabta mal-każ tal-Vitals. Il-Maġistrat Rachel Montebello għalhekk ċaħdet it-talba tad-difiża għar-rikuża tal-esperti fl-inkjesta 17 Black.
Il-Maġistart Montebello qalet li l-Qorti ma tistax ma tikkonfermax jew tirrikuża lill-esperti għaliex in-nomina tagħhom waslet għal konkluzjoni ta’ evidenza li tinsab parti mill-inkjesta. Qalet ukoll li f’dan l-istadju l-Qorti m’għandix is-setgħa li tieħu t-tali deciżjonjiet.
Wieħed wieħed l-akkużati wieġbu mhux ħatja fil-Qorti. F’din l-ordni kienu Keith Schembri ta’ 49 sena, li qal li joqgħod il-Qrendi u jaħdem bħala Direttur, Konrad Mizzi ta’ 47 sena residenti Raħal Ġdid u li qal li jaħdem bħala Konsulent, Karl Cini ta’ 49 sena li joqgħod il-Kappara u li huwa Accountant, Brian Tonna ta’ 60 sena li joqgħod Marsascala, li qal li llum huwa rtirat, Yorgen Fenech ta’ 43 sena residenti fil-Faċilita Korrettiva Kordin li huwa negozjant. Paul Apap Bologna ta’ 53 sena u joqgħod Ħ’Attard li huwa Direttur Maniġerjali u Mario Pullicino ta’ 60 sena residenti l-Mellieħa, ukoll Direttur Maniġerjali.
Sadanittant Nexia BT, id-ditta tal-kontabilità li mexxew Tonna u Cini, ġiet akkużata wkoll separatament. Hekk ukoll kienu BTI Management Limited, New Energy Supply Limited u OEGP Limited. Skont il-liġi Maltija, il-kumpaniji jistgħu jinżammu kriminalment responsabbli jekk direttur ta’ kumpanija, segretarju jew top manager iwettaq reat għall-benefiċċju tal-kumpanija.
Filwaqt li individwi jistgħu jintbagħtu l-ħabs jekk jinstabu ħatja, kumpaniji misjuba ħatja ta’ reati jistgħu jeħlu multa ta’ kull ħaġa bejn €20,000 u €2 miljun. Il-qrati jistgħu wkoll jimponu sanzjonijiet fuq kumpaniji jew jissospendu jew jikkanċellaw kwalunkwe liċenzja li jista’ jkollhom.
Dan kollu wasal wara xahar wara li inkjesta kriminali kienet irrakkomandat l-istituzzjoni ta’ azzjoni kriminali kontra Mizzi, Schembri, kif ukoll diversi kumpaniji. L-imputati kollha fuqhom infushom u f’isem il-kumpaniji tagħhom wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
L-unika xhud fil-Qorti l-Erbgħa quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello l-Ispettur Brian Camilleri mill-FCID. Camilleri qal li l-investigazzjoni bdiet f’Marzu 2018, fuq il-bażi ta’ suspett ta’ ħasil ta’ flus minħabba korruzzjoni. Il-pulizija żammet intelliġenza dwar kumpaniji fil-Panama li kellhom trusts fi New Zealand. F’Settembru 2018, saret talba mill-pulizija għall-ftuħ ta’ inkjesta.
Camilleri informa lill-qorti li kien assenjat għall-investigazzjoni fl-2020, u aġixxa bħala investigatur li jassisti lill-maġistrat inkwirenti. Huwa kien involut ukoll ffil-preparazzjoni ta’ ittri rogatorji. L-ispettur semma wkoll “intelliġenza” dwar id-diversi strutturi offshore tal-akkużati kif ukoll email li ssemmi lil 17 Black bħala l-“klijent fil-mira” tad-ditti offshore ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. L-Ispettur Camilleri qal lill-Qorti li tpoġġa fuq il-każ f’April 2020.
Ix-xhud qal li Yorgen Fenech kien involut direttament fl-Electrogas bħala direttur u azzjonist. Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu l-UBOs tal-kumpaniji tal-Panama Hearnville u Tillgate li kienu sigrieti. Tonna u Cini ddeskrivew lil Schembri lill-investigaturi bħala ħabib antik. Tonna, Schembri u Cini kollha kellhom kuntatt regolari ma’ Fenech.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-kumpanija MacBridge, reġistrata f’Hong Kong u mhux f’Dubaj, kienet marbuta ma’ raġel b’rabtiet mal-kumpanija Shanghai Electric Power, bl-isem ta’ Cheng Chen. Instab li kien hemm xibka wiesgħa ta’ kumpaniji reġistrati f’diversi pajjiżi, liema kumpaniji involuti f’diversi tranżazzjonijiet bejniethom jmexxu l-miljuni. Eżempju wieħed huwa t-trasferiment ta’ Novembru 2015 ta’ €3 miljun f’Novembru 2015, permezz tal-kumpanija Cifidex.
Ġie determinat ukoll li l-kumpanija OEGP kienet bagħtet aktar minn €300,000 lil 17 Black u li ftit jiem wara, ġew depożitati €3 miljun fil-kont tal-istess kumpanija. Minn Mejju sa Lulju 2016, tliet ħlasijiet differenti li jammontaw għal madwar €1 miljun minn 17 Black lill-kumpanija marbuta ma’ Chen, filwaqt li l-kumpanija Wings Investment bagħtet €620,000 lill-kumpanija New Energy Supply Limited, li tappartjeni lil Fenech.
Irriżulta wkoll li l-kumpanija SOCAR reġistrata fl-Ażerbajġan kellha sehem ta’ 33% fl-kumpanija Electrogas. L-ispettur Camilleri rrefera għar-rapport tal-Awditur Ġenerali li wera tħassib qawwi dwar il-proċess ta’ kif l-Electrogas ingħatat il-kuntratt tal-power station.
L-ispettur qajjem ukoll tħassib dwar kommunikazzjoni spissa permezz ta’ whatsapp bejn Keith Schembri, Konrad Mizzi u Yorgen Fenech. Spjega li darba minnhom Fenech bagħtilhom ritratt ta’ żewġ persuni maskili, b’wieħed minnhom irriżulta li kien ġej minn familja prominenti f’Dubaj. Taħt ir-ritratt kien hemm il-messaġġ jgħid “Dan hu ir-Re ta’ Dubai” u aktar messaġġi bejn it-tlieta dwar l-istess persuna.
Yorgen Fenech kien qal lil Apap Bologna u Gasan li ma kellux x’jaqsam ma’ 17 Black
Wara li fl-2018 ġie żvelat li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black, hu ltaqa’ ma’ Apap Bologna u Mark Gasan li magħhom ċaħad li huwa s-sid tal-kumpanija. Mistoqsi mill-avukat de Marco jekk qatt rax li saru pagamenti minn 17 Black għaż-żewġ kumpaniji reġistrati fil-Panama, Camilleri qal li dan ma rriżultalux. Ma rriżultalux ukoll li MacBridge kienet reġistrata f’Dubaj.
Hu wieġeb ukoll fin-negattiv li xi darba għaddew pagamenti mill-kumpanija Kittiwake lil uffiċjal pubbliċi u qal li qatt ma rriżultalu li Apap Bologna bagħat pagamenti lit-tali uffiċjali jew ministri. Mistoqsi mill-avukat Mercieca jekk sabx evidenza ta’ pagamenti minn 17 Black u kumpaniji marbutin ma’ Schembri lil Mizzi, Camilleri qal li ma sabx dan.
Waqt il-kontro-eżami, d-difiża staqsiet bosta mistoqsijiet dwar transazzjonijiet mill-kumpanija 17 Black. L-ispettur Camilleri wieġeb u kkonferma li ma sab l-ebda evidenza ta’ pagamenti lil xi Membru Parlamentari jew uffiċjal pubbliċi, inkluż kumpaniji marbutin ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Dwar it-talba għal ħruġ ta’ ordni ta’ qbid u ffriżar tal-assi kollha tal-imputati, id-difiża oġġezzjonat, bil-Maġistrat Montebello mistennija tagħti digriet dalwaqt, dwar din it-talba kif ukoll dwar ir-rikuża tal-ħatra tal-esperti fl-inkjesta 17 Black.
L-inkjesta kienet intalbet mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-MEP tal-PN David Casa wara li ġie żvelat li €1.3 miljun ġew trasferiti f’17 Black. Il-fondi oriġinaw mill-Ażerbajġan u kumpanija assoċjata mat-tanker tal-LNG li tinsab sorġuta bħala floating storage unit f’Delimara.
Dokumenti żvelati indikaw ukoll li Yorgen Fenech kellu l-intenzjoni li juża l-kumpanija offshore biex jibgħat miljuni ta’ ewro lil Keith Schembri u Konrad Mizzi permezz ta’ strutturi sigrieti offshore fil-Panama. Dak iż-żmien, Fenech kien qed imexxi l-konsorzju Electrogas li rebaħ ftehim ta’ €450 miljun biex jibni u jopera power station li taħdem bil-gass f’Delimara.
Mizzi kien il-Ministru tal-Enerġija u Keith Schembri kien iċ-chief of staff fl-Uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Apap Bologna u Pullicino kellhom ukoll strutturi sigrieti offshore simili għal 17 Black. Fil-bidu tas-seduta tal-Erbgħa fil-Qorti, l-avukati ta’ Yorgen Fenech fittxew li l-każ kontra l-klijent tagħhom jieqaf fuq il-bażi li l-fatti fil-każ kienu identiċi għal dawk f’kawża oħra li qed jiġi akkużat fiha Fenech, dwar l-allegat żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali minn eks supretendent tal-pulizija.
Il-Maġistrat ċaħdet dan ir-rikors wara deliberazzjoni ta’ ħames minuti. L-avukati li jirrappreżentaw akkużati oħra fil-każ qajmu wkoll oġġezzjonijiet dwar esperti tal-qorti użati fl-inkjesta maġisterjali. Huma kkwotaw lill-accountant forensiku Serba Miroslava Milenovic u d-ditta tal-analiżi forensika bbażata fir-Renju Unit Harbinson Forensics, li t-tnejn li huma ntużaw f’inkjesti maġisterjali oħra dwar il-kumpanija offshore Egrant u l-ftehim biex jiġu pprivatizzati tliet sptarijiet tal-istat.
Il-konvenuti f’dan l-aħħar każ, fosthom Schembri u Mizzi, iddubitaw il-validità ta’ dawk l-esperti. Matul is-seduta tal-Erbgħa, l-avukati difensuri talbu li l-konklużjonijiet tal-esperti jiġu skartati bħala evidenza. Għal Keith Schembri u Konrad Mizzi qed jidhru l-avukati Edward Gatt u Shaun Zammit. L-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għa Fenech.
L-avukati Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Cini, Tonna u Pullicino u lil Nexia BT. L-avukati Giannella de Marco u Kathleen Grima qed jirrappreżentaw lil Apap Bologna. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Jonathan Ransley, l-Ispettur Brian Camilleri u l-Avukati Gary Cauchi u Nicole Sladden mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-każ ikompli fid-19 ta’ Frar fl-10am.