– Stanley Zammit, PN
Ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit, fl-Aġġornament tal-Parlament appella lill-Gvern biex itemm l-abbuż fl-ippjanar u l-użu ta’ art pubblika li qed iġib il-komunitajiet f’kunflitt mal-iżviluppaturi. Fost l-aktar lokalitajiet affettwati semma’ l-każi ta’ Mellieħa Heights, iż-Żurrieq u Birżebbuġa.
Stanley Zammit irrimarka kif f’Mellieħa Heights, ir-residenti qed iħossuhom mibjugħin wara li l-Gvern approva trasferiment ta’ art pubblika għal żvilupp privat minkejja l-oppożizzjoni tal-komunità. Huwa fakkar kif in-nies, flimkien mal-Kunsill Lokali u d-deputati Nazzjonalisti, għamlu protesta nhar is-Sibt li għadda u saħaq li l-Gvern kiser il-wegħdiet tiegħu stess li l-ebda art pubblika ma għandha tingħata għal użu privat.
“Hawnhekk kellna Prim Ministru li wiegħed sospensjoni tal-permess sakemm jintemm l-appell, imma din il-wegħda baqgħet fl-arja. Il-Gvern injora l-Kunsill u ta prijorità lill-iżviluppaturi, mhux lir-residenti,” sostna Stanley Zammit.
Fuq il-każ ‘Tal-Bebbux’ fiż-Żurrieq, Stanley Zammit sostna li l-Gvern qed juża l-Kunsill Lokali bħala skuża biex jiffaċilita l-iżvilupp fuq art agrikola. Huwa spjega kif, minkejja li l-Kunsill Lokali talab li l-art tibqa’ agrikola u tintuża għall-edukazzjoni agrikola, il-Gvern xorta approva li l-art tal-pubbliku tiġi inkluża fl-iżvilupp afavur l-iżviluppatur.
“Mhux biss qed jinbidel l-użu ta’ art agrikola, imma l-Gvern qed jinjora l-policies li jesiġu li 15% ta’ artijiet akbar minn 5,000 metru kwadru jibqgħu spazji pubbliċi. Hawnhekk qed naraw eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern jagħti vantaġġ lil min hu b’saħħtu,” Stanley qal Zammit.
Hu semma’ wkoll il-każ tal-Qajjenza f’Birżebbuġa, fejn l-eks impjant tal-gass se jkun parti minn proġett massiċċ fuq art pubblika, art tal-Enemalta u art privata. Minkejja li eluf ta’ residenti oġġezzjonaw, il-Gvern xorta approva li l-iżviluppatur jinkludi dawn l-artijiet fit-tibdil tat-tqassim taz-zoni (re-zoning) u biex jiżdied l-għoli tal-bini.
L-approvazzjoni tinkludi 7 blokok ta’ bini ta’ aktar minn 6 sulari, li huma eċċessivi u mhux kompatibbli mal-pajsaġġ tal-madwar. L-infrastruttura ma tiflaħx la għaldaqstant traffiku u lanqas għal daqstant densità f’zona diġà ffullata.
Hu żvela wkoll kif il-kunsill lokali lanqas biss kien jaf li kien se jingħata uffiċiċji f’dan l-iżvilupp u qal li l-konsultazzjoni mal-komunità kienet finta.
Stanley Zammit appella lill-Gvern biex jiżgura li kull biċċa art pubblika tintuża għall-ġid tal-komunità u mhux skont l-interessi kummerċjali u privati.
“Fejn hi d-dar tal-anzjani li ilu jwiegħed il-Gvern f’Birżebbuġa? Fejn huma l-ispazji miftuħa li l-komunitajiet qed jistennew? Pajjiż b’awtoritajiet serji m’għandux iħalli l-iżviluppaturi jippjanaw il-lokalitajiet tagħna. Hemm bżonn ta’ Awtorità tal-Ippjanar u Awtorità tal-Artijiet indipendenti minn kull indħil politiku,” temm Stanley Zammit.
//= $special ?>