Lokali Parlament

Il-Gvern ikompli jgħaddi biż-żmien lir-residenti Birżebbuġin u Żrieraq

Toni Bezzina, PN

Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u Sajd Toni Bezzina qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-Gvern qed ikompli jgħaddi biż-żmien lir-residenti Birzebbuġin u Żrieraq.

Toni Bezzina ta l-kondoljanzi lill-familjari tal-Eks Sindku ta’ Birżebbuġa għal 25 sena, Joseph Farrugia ‘Ir-Riki’, li dejjem ħadem għall-ġid ta’ Birżebbuġa u l-Birżebbuġin, kien min kien fil-Gvern, mingħajr ma qatt ħares lejn kuluri jew uċuħ.

Hu għamel riferenza wkoll għall-eks depot tal-gass fil-Qajjenza, fejn il-Gvern qed jipprova jgħaddi biż-żmien lir-residenti ta’ Birżebbuġa, b’mod speċjali dawk tal-Qajjenza.

Analizi tal-pjanti kif ukoll rapport u policies tal-Awtorità tal-Ippjanar turi li l-Gvern qed iżomm mistura mir-residenti l-problema kbira ta’ parkeġġ li ser tinħoloq jekk l-iżvilupp propost jieħu l-ħajja.

Għalkemm qed jigi propost parkeġġ area ta’ 4,500 metru kwadru, din fil-fatt tirriduċi għal parkeġġ ta’ 130 karozza. Jekk il-basement tal-blokki residenzjali u kummerċjali b’zona ta’ madwar 7,500 metru kwadru jiġu trasformati wkoll f’parkeġġi għall-karozzi, dawn jipprovdu 220 parkeġġ ieħor, b’total ta’ 350 parkeġġ. Għalkemm mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed jieħu l-impressjoni li 350 parkeġġ huma ammont sostanzjali, meta wieħed jikkomparhom mal-ammont ta’ parkeġġi li se jkun hemm bżonn meta l-proġett ikun komplet, il-problema akuta ta’ nuqqas ta’ parkeġġ fil-Qajjenza se tikber b’ammont sproporzjonat.

Toni Bezzina qal li meta wieħed jikkunsidra li 5,000 metru kwadru se jkunu blokok ta’ sitt sulari ta’ appartamenti bi floor area ta’ 30,000 metru kwadru, dawn se jagħmlu spazju għal madwar 250 appartament li jekk kull appartament ikollu żewġ residenti li jkollhom karozza, dawn jammontaw għal żieda ta’ 500 karozza.

Fil-parti kummerċjali b’footprint ta’ madwar 2,500 metru kwadru b’għoli ta’ 7 sulari, jirriżulta fi floor area ta’ użu kummerċjali ta’ 17,500 metru kwadru li skont policies tal-Awtorità tal-Ippjanar se tinħoloq domanda għal 175 karozza għall-użu tal-konsumaturi u 125 karozza għall-impjegati. Dan ifisser li filwaqt li ser jiġu pprovdut spazju ta’ parkeġġ ta’ madwar 350 karozza, l-iżvilupp propost se jiġġenera mat-800 karozza fiz-zona. B’hekk id-domanda għall-parkeġġ fil-Qajjenza se taqbeż l-ammont ta’ parkeġġi provduti b’450; u għalhekk 450 karozza aktar fil-Qajjenza u l-madwar kuljum.

Għalekk, il-Gvern irid jieqaf jgħaddi lill-Birżebbuġin biż-żmien u jgħidilhom ċar u tond is-sitwazzjoni tal-biża’ li se tinħoloq f’Birżebbuġa, b’mod speċjali fil-Qajjenza, fir-rigward ta’ parkeġġ. Dan fl-istess waqt li l-bżonnijiet tal-Birżebbuġin, bħad-domanda għal dar tal-anzjani, se tibqa’ mhux milqugħa.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux qed jgħaddi biż-żmien lir-residenti Birżebbuġin biss, iżda anke b’dawk Żrieraq. Biċċa art agrikola tal-Gvern f’’Tal-Bebbux’ qed jipprova jagħtiha għall-bini wkoll b’detriment għar-residenti Żrieraq.

Għalkemm qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali l-Gvern kien wiegħed lir-resident Żrieraq u r-rappreżentanti tagħhom li l-porzjon ta’ art li tappartjeni lill-Gvern kienet se tiġi żviluppata f’bini komunitarju jew titħalla art agrikola, fil-fatt porzjoni żgħira biss minn ta’ din l-art ser tkun iddedikata għal użu komunitarju.

Il-Gvern irid jieqaf darba għal dejjem jgħaddi biż-żmien ir-residenti għax ir-residenti jixirqilhom ħafna aħjar, sostna Toni Bezzina.