Il-poplu Palestinjan, l-Eġittu, l-Arabja Sawdija u diversi pajjiżi oħrajn – inklużi l-Istati tal-Punent — ikkundannaw il-pjani tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump biex il-familji Palestinjani joħorġu kollha mill-Medda ta’ Gaza.
Dan bħala l-bażi tal-istrateġija ta’ Trump biex it-territorju – li fl-aħħar 15-il xahar kien iċ-ċentru għall-gwerra totali — jinbidel f’’Riviera għal-Lvant Nofsani’…dejjem fi kliem il-President Amerikan li, bħalissa, qed joħroġ sensiela ta’ executive orders mill-aktar kontroversjali.
Trump żvela l-pjan waqt laqgħa sinifikanti, fil-White House, mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, li, probabbilment, għandu interess partikulari fil-pjan tal-President Amerikan biex l-Istati Uniti ‘tieħu l-kontroll ta’ Gaza’.
F’dan il-kuntest jista’ hu wkoll sinifikanti l-kumment ta’ Netanyahu fejn (waqt il-laqgħa) faħħar lil Trump bħala ‘l-aktar President Amerikan li qatt kien ħabib ta’ Iżrael’.
Sadanittant, Donald Trump għamilha ċara li jrid li l-Istati Uniti ‘tassumi l-proprjetà ta’ Gaza għat-tul taż-żmien’, u bil-ħsieb li t-territorju jinbidel f’riviera għar-reġjun kollu (tal-Lvant Nofsani). Hu tenna wkoll li r-residenti f’Gaza mhuma se jkollhom l-ebda alternattiva ‘ħlief li jitilqu minn hemm’.
Il-President Amerikan indika li kapaċi, ‘il quddiem, issir ir-rilokazzjoni tar-residenti ta’ Gaza lejn iz-zoni fejn il-mexxejja partikulari, għalissa, qed joġġezzjonaw għal din il-preżenza. Dan meta l-pjan tal-President Amerikan jesiġi biex ir-residenti ta’ Gaza jintbagħtu f’pajjiżi bħall-Ġordan u l-Eġittu.
Intant, il-grupp Ħamas, li jikkontrolla Gaza, fisser il-pjan ta’ Trump bħala wieħed ‘assurd u ostili’, waqt li l-Awtorità Palestinjana insistiet li l-poplu Palestinjan mhu se jaċċetta l-ebda rilokazzjoni fuq il-bażi tal-istrateġija ta’ Washington.
Anki r-Renju Unit – alleata kbira u antika tal-Istati Uniti – ikkritika din l-istrateġija fost stqarrija uffiċjali li l-Palestinjani għandhom jitħallew jgħixu u jtejjbu l-kwalità tal-ħajja fl-artijiet familjari għalihom.
It-Tmexxija fl-Eġittu, intant, sostniet li l-Medda ta’ Gaza għandha tkun suġġetta għall-proġetti kbar tal-iżvilupp u mingħajr il-ħtieġa li r-residenti jinqalgħu minn hemmhekk…Fl-istess ħin, l-Arabja Sawdija, li għandha relazzjonijiet tajbin ħafna ma’ Trump, ukoll qed tirrifjuta għall-kunċett li l-Palestinjani ta’ Gaza jkunu sfurzati li jgħixu f’artijiet oħra.
Dan meta l-maġġoranza tal-Mexxejja madwar id-dinja, fl-aħħar sigħat, tennew mill-ġdid l-appoġġ għal soluzzjoni li tibbaża fuq il-kunċett taż-żewġ Stati – Iżrael u l-Palestina – bħala l-aħjar miżura għar-reġjun tal-Lvant Nofsani.
U f’dan il-każ l-aktar leħen importanti jibqa’ dak tal-Palestinjani f’Gaza li mhuma jħallu l-ebda dubju li jridu jibqgħu fejn qegħdin waqt li jibnu ħajjithom mill-ġdid wara l-gwerra….Dan waqt li l-osservaturi jemmnu li l-President Trump għandu javvanza xorta l-pjan partikulari li kapaċi ‘ikisser għal kollox’ il-politika għal-Lvant Nofsani li ilha effettiva għal għexieren ta’ snin.
//= $special ?>