Lokali

Imut Monsinjur Victor Grech

L-Arċisqof attenda għall-ftuħ tal-Caritas Community Centre - 02/11/22Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Kmieni dalgħodu, tħabbret il-mewt tal-Eks Direttur tal-Caritas Mons. Victor Grech. Hu kellu 95 sena.

Mons. Grech se jibqa’ imfakkar bħala s-saċerdot illi lura fl-1984 beda l-proġetti tal-Caritas biex jgħin permezz ta’ programmi ta’ prevenzjoni u riabilitazzjoni kontra d-droga. U fl-1985 huwa waqqaf l-ewwel Komunità Terapewtika f’pajjiżna għal dawk li jabbużaw mis-sustanzi.

Mons. Victor Grech kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Caritas Europa u kien ukoll iservi fil-Bord tal-Caritas Internationalis u Caritas Europa.

Hu ħadem b’saħħa u dedikazzjoni biex ikun hawn l-ewwel xelter residenzjali f’pajjiżna għall-irġiel, kif ukoll għan-nisa. U apparti minn hekk, fetaħ Dar għar-riabilitazzjoni tal-Priġunieri bi problemi ta’ droga.

Il-Kap tal-PN jiddeskrivih bħala bniedem ta’ qalb kbira

Intant wara li ħarġet din l-aħbar, kien bosta dawk li fakkru l-memorja ta’ Mons. Victor Grech, fosthom il-President ta’ Malta Miriam Spiteri Debono, il-Kap tal-PN Bernard Grech u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Mons. Grech twieled Bormla fl-1929. Huwa ggradwa mill-Università ta’ Malta u wara li kien ordnat saċerdot, Huwa serva ta’ Viċi Rettur u Rettur fis-Seminarju. Fl-istess ħin huwa kien Direttur Nazzjonali għall-Vokazzjonijiet.

Huwa ġie mogħti l-visitorship tal-British Council, u kien ukoll Lettur-Viżitatur fil-Fakultà tat-Teoloġija u Lettur ta’ suġġetti reliġjużi u soċjali fil-Mater Admirabilis Teachers’ Training College. Huwa għin biex titwaqqaf l-ewwel komunità ta’ saċerdoti Maltin fil-Brażil u kkollabora ma’ Monsinjur Delleport fit-twaqqif tal-European Seminary f’Maastricht.

Fl-1968, Monsinjur Grech ġie nominat bħala Kappillan tal-Papa Pawlu VI, u fl-1981 inħatar Prelat Onorarju tal-Papa Ġwanni Pawlu II.

Fl-1990, huwa sar Kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral.

Fl-1993, b’riżultat tax-xogħol siewi tiegħu fil-qasam soċjali u karitattiv, Monsinjur Grech ġie nnominat Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu tar-Repubblika ta’ Malta.

Fl-2012 ingħata l-Premju Ċittadin Ewropew, li għalih kien innominat mill-Ewro Parlamentari Maltin Louis Grech u Simon Busuttil.

Fl-2013 sar Uffiċjal tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu tar-Repubblika ta’ Malta b’rikonoxximent tal-kontribut eċċezzjonali li ta għall-ġid tal-poplu Malti, speċjalment matul il-ħafna snin li mexxa l-Caritas Malta b’dedikazzjoni u impenn mal-batut u l-imwarrab fis-soċjetà.