Lokali

“Jeħtieġ li jkun hawn iktar għajnuna għall-għaqdiet volontarji”

L-għaqda mhux governattiva, Missio Malta ilha għal dawn l-aħħar snin twettaq ġid kbir fis-soċjetà Maltija. Waqt laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista ma’ membri ta’ Missio Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed ħidma favur l-għaqdiet li joffru għajnuna volontarja sabiex il-ġid li joffru jkun jista’ jibqa’ jiġi offrut.

Dan għaliex dawn l-għaqdiet jeħtieġ għajnuna finanzjarja, bil-Kap tal-PN Bernard Grech jitkellem ukoll dwar l-importanza tas-secondment fost il-ħaddiema sabiex jiżdied il-volontarjat.

U dan apparti li ġiet diskussa il-ħtieġa li jkun hemm reviżjoni tas-sigħat ta’ leave sabiex dawk li jixtiequ joffru xi sigħat ta’ volontarjat, iżda m’għandhomx ċans, ikunu jistgħu jagħmlu dan waqt il-ħin tax-xogħol.

Il-membri ta’ Missio Malta qalu kif l-għaqda taħdem favur l-iżvilupp u l-formazzjoni tal-bniedem sabiex, mhux biss f’pajjiżna, iżda anke madwar id-dinja kollha naraw iktar għaqda bejn il-ġnus.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ix-Shadow Ministers Graziella Galea u Ivan Bartolo. Intant, ix-xahar li ġej se tkun qed tittella’ maratona ġbir ta’ fondi b’risq ‘Missio Malta’ bit-tema tkun ‘Il Quddiem bit-Tama.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo