Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li aggredixxa ħames Pulizija

Raġel ta’ 37 sena mill-Furjana ġie akkużat quddiem Il-Maġistrat Ann Marie Thake li rresista l-arrest b’mod vjolenti u li aggredixxa żewġ surġenti u tliet kuntistabbli tal-Pulizija u li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq wieħed minnhom. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Clyde Camoin, li qal lill-Qorti li kien jaħdem għal rasu, ġie akkużat li hedded ħames uffiċjali pubbliċi u li kkawża ġrieħi ħfief lil surġent. Huwa ġie akkużat li kisser in-nuċċali tas-surġent u li ma obdiex ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.

L-Ispettur Ian Vella qal lill-Qorti li nhar il-Ħadd għall-ħabta ta’ 9:30pm, surġent informah li Camoin kien ġie arrestat wara li aġixxa b’mod vjolenti kontra xi uffiċjali tal-Pulizija. L-akkużat allegatement kien qed jimxi quddiem l-uffiċċju tal-Financial Crimes Investigations Department (FCID) meta f’punt minnhom beda jsabbat fuq il-bieb tal-ħġieġ.

Il-kuntistabbli li kien mal-bieb sejjaħ lill-Pulizija tad-distrett għall-għajnuna. Meta waslu l-uffiċjali, hi kkonfermat li l-persuna barra l-uffiċċju kien qed isabbat mal-bieb. Wara, r-raġel aggredixxa wieħed mis-surġenti, kissirlu n-nuċċali u kkawżalu ġrieħi ħfief. Wara li rresista l-arrest, Camoin finalment ġie arrestat u skortat.

Waqt li seħħ dan, Camoin qal lill-Pulizija li kien ħa d-drogi. Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei u ħareġ it-Tlieta filgħodu. Id-difiża ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju. Ir-raġel inżamm taħt arrest. L-ispettur Ian Vella mexxa l-prosekuzzjoni, waqt li l-avukat Ezekiel Psaila deher għall-akkużat.