Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi tressqu żewġt irġiel bla indirizz fiss mixlija li nhar it-Tlieta li għaddew u fix-xhur ta’ qabel ittraffikaw droga psikoattiva ġdida, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu esklussiv tagħhom. B’kollox instabu 44 pakkett ta’ droga sintetika. Huma nqabdu fejn it-terminus tal-Belt Valletta.
Robert Spiteri ta’ 55 sena u Richard Borg 54 sena ġew mxlija wkoll li jagħmlu parti minn organizzazzjoni kriminali u li kkommettew dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru mill-parametru ta’ skola, club jew post simili fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.
L-irġiel ġew mixlija wkoll li għexu ħajja ta’ vagabondaġġ u li saru reċedivi wara li kienu misjuba ħatja b’diversi sentenzi tal-Qorti. L-Ispettur Mark Cremona li flimkien mal-Avukat Ylenia-Marie Abela mexxa l-prosekuzzjoni, qal li t-Tlieta fis-730am il-Pulizija kkoordinaw operazzjoni fuq informazzjoni li kienet qed tigi ttraffikata droga.
L-Ispettur Cremona qal li huwa talab għall-mandat t’arrest u tfittxija fuq tliet persuni u tfittxija wkoll f’gabbana bl-isem ta’ Maxims. Il-Pulizija marru fuq il-post u hemm sabu diversi persuni. Ġew arrestati ħamsa u tnejn minnhom instabitilhom droga sintetika.
Fil-lock-up instabitilhom ukoll xi droga. Borg talab assistenza legali u Spiteri l-ewwel qal li ma jridx ikun assistit u mbagħad qal li se jqabbad lill-Avukat Josè Herrera.
Fl-awla dak il-ħin kien hemm biss l-avukat tal-għajnuna legali ta’ Borg, Silvan Pulis. Kif il-Pulizija ċemplu lil Herrera waslet Dr. Martina Herrera. L-irġiel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. Id-difiza m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest u t-tnejn ittieħdu l-ħabs.
//= $special ?>