Il-Boxer Steve Martin huwa r-rebbieħ tat-TGS Fair Play Award li jkopri l-perjodu bejn Ottubru u Diċembru 2024.
Dan il-premju ta’ kull tliet xhur huwa mogħti mill-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien mal-Malta Fair Play Movement, b’kollaborazzjoni ma’ Together Gaming Solutions. Dan il-premju huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għall-ġest altruwistiku ta’ fair play f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.
Fid-29 ta’ Novembru 2024 kien hemm il-konfront Fight Island 2 bejn Lydon “Beqqu” Chircop u l-eks kowċ tiegħu Steve Martin. Dan tal-aħħar ħareġ rebbieħ u wara li spiċċa kollox mar fid-dressing room ta’ Chircop sabiex jikkonslah wara t-telfa u jawguralu għall-prestazzjoni tajba li kellu minkejja li ħareġ tellief.
Min-naħa tiegħu, Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions qal: “Ġest bħal dan fi sport iebes u kompetittiv bħalma huwa l-boxing juri verament xi jfisser l-ispirtu sportiv. Prosit tassew lil Steve Martin.”
Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, fil-preżenza ta’ Edward Licari Direttur ta’ Together Gaming Solutions, Charles Camenzuli f’isem il-Malta Fair Play Movement, filwaqt li għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.
//= $special ?>