Internazzjonali

L-Iżvezja: Investigazzjonijiet wara l-massakru f’Orebro… ‘Ma kienx bniedem soċjevoli u lanqas terrorista’

Il-Pulizija Żvediża għadha qed tibni l-profil tal-aggressur li nhar it-Tlieta wettaq l-akbar qtil tal-massa fl-istorja tal-Iżvezja. l-isparatura mietu ħdax f’ċentru għall-edukazzjoni tal-istudenti adulti fil-belt ċentrali ta’ Orebro.

Issa sar magħruf li l-aggressur instab mejjet f’parti mill-kumpless tal-iskola u d-dettalji dwaru huma ftit – ħlief għall-fatt li r-raġel kien jgħix lokalment u li hu ‘ma kienx iħobb jitħallat man-nies’. Jidher ukoll li r-raġel kien spara għalih innifsu mal-wasla, fuq il-post, tal-Pulizija.

L-aggessur – li qabel mewtu kien anki fetaħ in-nar fuq il-Pulizija – ma kellux rekord kriminali u kollox jindika li hu kien wettaq l-isparatura waħdu. Fl-istess ħin, hu ma kellu l-ebda rabta ma’ xi gangs kriminali u fejn x’aktarx li lanqas ma kellu xi skop ideoloġiku biex iwettaq il-massakru. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ kważi teskludi għal kollox il-probabbiltà ta’ terroriżmu.

Madankollu, iċ-ċirkustanzi tal-investigazzjoni jistgħu jinbidlu ‘l quddiem, bil-Pulizija ssostni li r-raġel – li ma kellux impjieg – kien ilu s-snin ma jikkuntattja lil qrabatu. Hemm ukoll il-probabbiltà li hu kien ibati bi problemi mentali – bil-Pulizija f’Orebro twettaq tfittxija intensiva tal-appartament fejn hu kien qed jgħix.