Lokali Qorti

Mixli li seraq mobile u li naqas li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija

Somalu ta’ 42 sena baqa’ arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi li għall-ħabta ta’ bejn is-1am u t-3am tal-4 ta’ Frar li għadda, fi Triq Santa Rita, f’San Ġiljan, bi vjolenza seraq mobile minn fuq persuna.

Ibrahim Omar Muhidin ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq l-istess mobile, li kiser il-paċi pubblika, li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li għex ħajja ta’ vagabundaġġ. Il-prosekuzzjoni qalet li għall-ħabta tas-2am tal-4 ta’ Frar li għadda, kien hemm numru ta’ Pulizija bl-uniformi f’Paceville u lemħu persuni jargumentaw.

Dak il-ħin meta rahom l-imputat telaq jiġri u ġrew warajh u wara reżistenza minn naħa tiegħu arrestawh. Għall-ewwel huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, imma meta reġa’ ġie mistoqsi mill-Qorti jekk hux qed jikkonferma l-ammissjoni tiegħu, huwa wieġeb mhux ħati.

Ma saret l-ebda talba għall-pleġġ mill-avukat tal-għajuna legali Silvan Pulis.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar u mill-Avukat Clive Aquilina mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.