Lokali

OPINJONI: Ninvestu fil-Familja

Il-Partit Nazzjonalista qed iressaq proposti favur il-familji li jibdew jindirizzaw il-problema li l-Gvern ilu jdawwar rasu lil hinn minnha

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri

Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar xhur u snin jitkellem dwar l-importanza li tissaħħaħ il-familja. Dan kien stabbilit anke fil-manifest u l-kampanja elettorali li għaddiet, b’Bernard Grech jafferma l-pożizzjoni tiegħu favur il-familja, il-kwalità ta’ ħajja aħjar u fuq kollox work-life-balance li jagħti nifs lill-familji.

Għall-kuntrarju ta’ dan kollu, il-Gvern immexxi minn Robert Abela baqa’ għaddej bl-istess politika li qiegħda toħnoq għalkollox il-ħin liberu, tant li llum kulħadd jgħix ħajja mgħaġġla biex ilaħħaq mad-domanda ekonomika li kull familja jew kull individwu jeħtieġ biex jgħix ħajja diċenti. L-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet għaljin tal-proprjetà qegħdin jagħmluha dejjem aktar diffiċli biex iż-żgħażagħ Maltin jinvestu fil-familja. Għalhekk, bl-ebda sorpriża Malta għandha l-anqas rata ta’ birth-rate minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fattur li llum qed ikun diskuss sewwa wara r-rapport li ġie pubblikat minn studju tal-NCPE li ħareġ ftit tal-ġimgħat ilu.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista

Mhux lakemm ngħidu nsibu soluzzjoni. Il-problema fir-rata tat-twelid hija waħda estiża mal-erba’ naħat ta’ dinja, u l-benefiċċji u l-għajnuniet fiskali li jingħataw lill-familji, waħedhom mhumiex biżżejjed. Fl-Italja, il-pajjiż ġar tagħna, jitwieldu sitt Taljani għal kull 12-il Taljan li jħallu d-dinja. L-Amerka, mill-2007 sal-2022 rat tnaqqis ta’ 23% fit-twelid. Għalhekk, nifhmu li dan huwa fenomenu li llum qiegħed jinħass ħafna aktar.

Il-Partit Nazzjonalista proattiv u jqis bil-quddiem kif il-politika tista’ tibda ttaffi mill-problemi attwali, matul dawn l-aħħar jiem nieda serje ta’ proposti konkreti kif tista’ tibda tkun indirizzata din il-problema. Dawn il-proposti għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin fil-familja li ntlaqgħu tajjeb minn kull qasam tas-soċjetà Maltija, bħal dejjem, il-Gvern f’paniku sejjaħ konferenza stampa ta’ malajr biex iħabbar miżura waħda u mqanżħa biex jipprovdi t-taparsi soluzzjonijiet għall-ġenituri biex jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tal-familja.

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jinnota li din il-miżura, marbuta mal-leave ta’ emerġenza, ma hija xejn ħlief gimmick għaliex fir-realtà mhi se tkun qed tagħti xejn ġdid lill-familji Maltin ladarba din se tkun qed titteħidlek mil-leave u s-sick leave tiegħek stess. Dan apparti li se jkun min iħaddem li jkompli jerfa’ dan il-piż u jagħmel tajjeb għal dan il-leave, kif qed jagħmel sa issa.

L-ebda piż fuq min iħaddem

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-qasam huma maħsuba u intenzjonati biex jilħqu bilanċ veru u biex ma jbatihomx la l-ħaddiem u lanqas min iħaddem imma se jkun qed iħallas għalihom il-Gvern, b’mod li ma jintefa’ l-ebda piż fuq l-employers. Dan huwa pjan olistiku li permezz tiegħu l-Partit Nazzjonalista jħares lejn l-istampa kollha b’viżjoni għaliex jifhem, bħalma qalet iċ-Chamber of SMEs, li f’dan il-pajjiż hawn bżonn urġenti għal bidliet li jdawru r-rotta.

Il-Partit Nazzjonalista jrid isaħħaħ il-bilanċ billi jespandi l-leave tal-ġenituri biex il-familji jkollhom aktar ħin flimkien;  billi jagħti leave mħallas mill-Gvern għal kull ħaddiem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom; u b’appoġġ għall-kura tat-tfal u remote working.

Fost il-proposti assoċjat mal-leave għall-familji, insibu li l-leave tal-missirijiet (dak magħruf bħala l-paternity leave) jiżdied minn 10 għal 15-il ġurnata biex jiġi rikonoxxut ir-rwol dejjem jikber tal-missirijiet fil-kura tat-tfal; il-leave tal-ġenituri (dak magħruf bħala l-parental leave) jiġi estiż minn 8 għal 28 ġimgħa – maqsum indaqs bejn iż-żewġ ġenituri u mhux trasferibbli biex tkun promossa r-responsabbiltà kondiviża; il-leave tal-maternità (dak magħruf bħala l-maternity leave) jiżdied minn 18 għal 24 ġimgħa, bl-aħħar sitt ġimgħat ikunu trasferibbli lill-ġenitur l-ieħor jekk ikun hemm il-bżonn; u total ta’ sena sħiħa leave mħallas bejn leave tal-maternità u leave tal-ġenituri, li jagħti l-flessibbiltà essenzjali lill-familji.

Leave imħallas mill-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-leave ikun imħallas mill-Gvern. Mela, il-leave tal-ġenituri, tal-missirijiet u ż-żieda fil-leave tal-maternità jkunu mħallsa mill-Gvern għall-ħaddiema kollha. Fil-każ tal-leave tal-ġenituri (parental leave) il-ħlas ikun sal-livell tal-paga medja, li hu ferm aktar mir-rata tal-leave tal-mard li qiegħed jingħata bħalissa; is-self-employed jingħataw l-istess drittijiet bħal ħaddiema impjegati, biex jiġi żgurat trattament ġust għal kull forma ta’ xogħol; u l-Gvern ikopri dawn l-ispejjeż biex inaqqas il-piż finanzjarju fuq min iħaddem u n-negozji.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, irridu nsaħħu aktar l-appoġġ għall-kura tat-tfal u dan billi anke jissaħħaħ ir-remote working. Mela, il-proposti jisħqu fuq għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tieni sena wara t-twelid, ekwivalenti għas-sussidji li jagħti l-gvern fiċ-childcare centres; krediti tat-taxxa għall-kumpaniji privati li jimplimentaw mudelli ta’ remote working, biex jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji ta’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol; u inkoraġġiment biex aktar negozji jadottaw policies ta’ remote working u flessibbiltà ħalli jtejbu l-produttività u l-benesseri tal-impjegati.

Dawn il-miżuri li qiegħed iressaq ’il quddiem il-Partit Nazzjonalista jibdew jindirizzaw il-problema li l-Gvern ilu jdawwar rasu lil hinn minnha.