Għax il-Gvern Laburista tant hu maqtugħ mir-realtajiet tan-nies, tal-familji, tan-negozji u tas-self-employed, kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li fil-Parlament jitlob diskussjoni urġenti dwar l-għoli tal-ħajja u dwar dak li għandu jsir biex jittaffew il-piżijiet ta’ ħafna.
Illum il-Partit Nazzjonalista ppreżenta Mozzjoni fil-Parlament dwar l-għoli tal-ħajja li fiha jisħaq fuq il-bżonn li l-Gvern jagħraf il-piż dejjem jikber li dan il-fenomenu qed joħloq fuq il-poplu Malti u Għawdxi u jieħu azzjoni konkreta biex jindirizzah.
Biex dan is-suġġett jiġi diskuss fil-Parlament bl-urġenza li jixraqlu, l-Oppożizzjoni se tuża l-jum tal-Oppożizzjoni nhar il-Ħamis 13 ta’ Frar biex tiddedika dibattitu għal din il-Mozzjoni.
Din il-Mozzjoni qed tiġi ppreżentata fid-dawl ta’ żidiet fi prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali bħal ikel u mediċini kif ukoll servizzi, u li jolqtu ħażin lil bosta, l-aktar lil dawk bi dħul baxx u medju. Apparti fuq il-familji, iż-żidiet fl-ispejjeż qed ipoġġu piżijiet dejjem akbar anke fuq negozji u self-employed, kif ikkonfermat minn studju ieħor ppubblikat dan l-aħħar.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ din il-mozzjoni, qed jesiġi li:
- Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, l-COLA, tingħata b’mod sħiħ u ma tkunx taxxabbli sabiex il-ħaddiema u l-pensjonanti jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha b’mod totali;
- Il-Gvern jagħti tax credits lill-SMEs u lin-negozji biex ikunu jistgħu jassorbu ż-żieda fil-pagi mingħajr ma jkomplu jgħollu l-prezzijiet;
- Jinħoloq fond nazzjonali biex jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-importaturi u lill-esportaturi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż li għandhom l-importaturi u l-esportaturi;
- Il-mudell ekonomiku jinbidel minn wieħed ibbażat fuq tkabbir sproporzjonat tal-popolazzjoni għal wieħed li jinvesti f’setturi ekonomiċi ġodda u innovattivi li joffru impjiegi b’pagi aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-Gvern ħoloq problemi li llum qed iħosshom kważi kulħadd. Dan għax Gvern Laburista ma kellu l-ebda pjan fit-tul u ħaseb li seta’ jżid il-popolazzjoni mingħajr ma joħloq problemi, imma dan wassal għal aktar pressjoni fuq is-servizzi u l-prezzijiet, b’konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija u l-infrastruttura tal-pajjiż.
Illum kulħadd jaf li l-problemi ħoloqhom il-Gvern Laburista. Imma kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li jfakkar lill-Gvern li r-realtajiet ta’ ħafna huma differenti bil-wisq mir-realtajiet ta’ Robert Abela u ta’ dawk ta’ madwaru.
Il-PN jittama li fid-dibattitu Parlamentari dwar l-għoli tal-ħajja, il-Gvern ikun ftit aktar sensittiv milli kien fl-aħħar snin u jaddotta wħud mill-proposti li qed tagħmel l-Oppożizzjoni.
//= $special ?>