Raġel ta’ 41 sena mill-Marsa ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi li bejn l-10am u nofsinhar ta’ nhar it-Tnejn li għadda, huwa seraq laptop mill-Knisja Maria Reġina, fil-Marsa.
Carlos Galea tressaq mill-Ispettur Sarah K Zerafa li qalet li fit-3 ta’ Frar il-Pulizija kienet infurmata mill-kappillan tal-knisja Marija Reġina tal-Marsa, li nsteraq laptop mis-sagristija. “Rajna l-filmati minn fuq is-CCTV u l-Pulizija għarfet lil Carlos Galea. Dan jidher jidħol fis-sagristija u joħroġ jiġri bil-laptop f’idu.
“Morna d-dar tiegħu u kien liebes l-istess ħwejjeġ li deher mill-filmati. Infurmajnih bl-arrest u infurmajna lill-Maġistrat tal-Għassa. Huwa ttieħed l-Għassa tal-Marsa u qalilna li kien sejjer biex ibigħ laptop u li qabżu fuqu u li kien ħadulu xi ħadd.
Id-difiża qalet li Galea kien se jammetti l-akkużi kontrih fejn ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati wkoll li sar reċediv. Huwa jrid ukoll iħallas is-somma ta’ €1,448 fi spejjeż lill-vittma tal-laptop u li jrid jagħtihomlu sa sitt xhur oħra. Inħareġ ukoll ordni ta’ trattament minħabba l-użu mid-droga ta’ Galea u nħatar ukoll uffiċjal tal-probation biex isegwih.
L-Avukat Josè Herrera deher għall-akkużat filwaqt li mexxa l-prosekuzzjoni l-Avukat Brandon Bonnici mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Sarah K Zerafa.
//= $special ?>