Raġel ta’ 59 sena mill-Belt Valletta, li tressaq il-Qorti mixli quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake bi tliet akkużi ta’ serq, informa lill-Qorti li jħossu aħjar il-ħabs wara li nħeles mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li serva sentenza ta’ 10 snin ħabs u meta mar id-dar sab kont tad-dawl ta’ €16,000.
Francis Grech mill-Belt Valletta u li għandu problema tad-droga kien akkużat li seraq mowbajl, li kien jiswa’ aktar minn €1,000 u numru ta’ fwejjaħ u deodoranti minn żewġ spiżeriji differenti mill-Belt. Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ serq u li sar riċediv.
Fil-Qori ħareġ li l-kont tad-dawl pendenti rriżulta f’serq ta’ elettriku minn daru minn persuna terza. L-Ispettur Gabriel Micallef li ressaq lil Grech qal lill-Qorti li kien hemm tliet rapporti kontra r-raġel dwar serq. L-aktar rapport serju kien sar wara li seraq mowbajl minn tilar f’Fairyland Santa’s City minn Pjazza Tritoni.
Il-Pulizija rċeviet tliet rapporti dwar ir-raġel, wara li għarfuh mis-CCTV. Madanakollu, ma setgħatx issibu fir-residenza tiegħu. L-Ispettur Micallef qal lill-Qorti li l-provvista tal-elettriku u tal-ilma nqatgħu minħabba kontijiet li ma tħallsux mir-raġel li ġie arrestat it-Tlieta filgħodu.
“Il-provvista tal-elettriku tiegħi ilha maqtugħa sentejn. Inħossni aħjar il-ħabs”, qal l-akkużat Grech. L-avukat Noel Bianco li deher għall-akkużat ressaq talba għall-ħelsien mill-arrest. “Din hi karba għall-għajnuna.
“Serva sentenza ta’ 10 snin ħabs u meta ħareġ sab li kellu kont tal-ARMS pendenti ta’ €16,000 ikopri l-perjodu ta’ meta kien il-ħabs. Minn stħarriġ li sar instab li terza persuna kien waħħal wire mal-propjeta’ tiegħu u kien qed jisraqlu d-dawl. Grech diġa’ ħallas €7,000 u xorta għadu bla provvista”, qal Dr. Bianco.
L-akkużat ġieli jqatta’ ftit ħin fl-appartament ta’ ommu. Dr. Bianco qal li Grech kellu jidħol fiċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni l-Erbgħa fid-9am. Qal ukoll li l-l-klijent tiegħu ‘ħareġ mill-ħabs u ma kienx preparat biex jaffaċċja d-dinja ta’ barra.
Hawn il-Qorti saħqet li ħadd ma jkun preparat li jħallas €16,000 wara li joħroġ mill-ħabs. “Tal-inqas fil-Qorti, hu jkolli aċċess għall-ilma u l-elettriku”, qal l-avukat Bianco waqt li qal ukoll li l-klijent kellu bżonn l-għajnuna u li dan kien każ soċjali.
“Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. L-unika ħajja li jaf hi dik tal-ħabs”, kompla Dr. Bianco u żied li r-raġel bi problema bid-drogi u li ried lill-klijent tiegħu jmur f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni. L-akkużat aċċetta li jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament sakemm jitlestew il-proċeduri kriminali wara li l-Qorti staqsiet lill-akkużat jekk jagħtix il-kunsens tiegħu.
L-Ispettur Micallef qal li l-akkużat jeħtieġ l-għajnuna u ddikjara li mhux se joġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm ikun hemm ordni ta’ trattament u l-Qorti timponi kundizzjoni adegwati. Il-Qorti laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest tar-raġel fuq garanzija personali ta’ €1,000.
Ordnat ukoll lill-akkużat biex immur id-dar ta’ ommu u ma jitlaqx minn hemm sal-għada filgħodu, meta se jkollu jmur l-għassa tal-Pulizija. Minn hemmhekk, il-Pulizija twasslu fiċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni. Il-Qorti wissitu li jekk ma jżommx mal-istruzzjonijiet, hu jkun qed jikser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.
L-ispettur Gabriel Micallef u l-avukat tal-AĠ Miryea Mifsud mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Noel Bianco deher għall-akkużat.
//= $special ?>