Żagħżugħ ta’ 20 sena miż-Żejtun ġie mixli quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi li kellu fil-pusses tiegħu d-droga cannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu. L-Ispettur Wayne Bonello qal li fit-28 ta’ Jannar fl-10.55pm, il-Pulizija taż-Żejtun kienu fuq ronda fejn ħanut.
U minħabba suspett, l-akkużat Daniel Camilleri saritlu tfittxija fuqu kif ukoll fuq persuna oħra u sabulhom disa’ grammi droga. Camilleri ġie arrestat u fid-dar tiegħu aktar tard instabet iktar droga, 26 gramma b’kollox, miżien u pakketti li fihom jistgħu jitqiegħdu d-droga.
L-akkużat ingħata l-police bail u l-Erbgħa ġie arrestat. Huwa wieġeb mhux ħati. Saret talba għall-pleġġ bil-prosekuzzjoni topponi fejn qalet li hemm biża’ tat-tbagħbis tal-provi. Semmiet ukoll in-natura serja u biża’ li jikkommetti reat ieħor.
Id-difiża qalet li l-ammont fl-ambitu legali jaqbeż b’żewġ grammi biss dak li seta’ kellu fuqu. Qalet li huwa persuna ta’ 20 sena b’fedina penali nettissima. Il-Qorti kkunsidrat li l-imputat bħal kull persuna oħra għandu dritt fundamentali tal-libertà u tneħħija ta’ tali dritt hi eċċezzjoni u mhux ir-regola.
Il-Qorti qalet li trid iżżomm f’moħħa li s-soċjetà trid tiġi protetta u bi drittijiet tiegħu imputat m’għandux b’xi mod inaqqas mid-drittijiet ta’ kull ċittadin. Qablet ukoll li l-imputat hu ta’ età żgħira b’fedina penali netta. Il-ġenituri lesti li jissorveljawh b’mod kontinwu.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li mill-arrest oriġinali li seħħ fit-28 ta’ Jannar, ingħata l-police bail. Il-Qorti tqis li għalkemm in-natura ta’ reati hi serja, fiċ-ċirkostanzi u wara li kkunsidrat garanzija li se timponi, tkun laħqet bilanċ bejn drittijiet tas-soċjetà u tal-imputat.
Għaldaqstant laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest. “Il-Qorti tqis li postok mhuwiex il-ħabs, għalkemm b’li għamilt u jekk tibqa’ għaddej hekk hemm ċans li hemm jirbħek. Qis li tagħraf it-triq tajba u ma terġax taqa’ fl-iżball. Ħa ngħabbi lill-ġenituri tiegħek b’responsabbiltà. Kompli stinka biex issib ix-xogħol,” qalet il-Qorti liż-żagħżugħ.
Huwa ġie ordnat jiffirma erba’ darbiet fil-gimgha fl-Għassa taż-Żejtjun u li jrid ikun id-dar bejn id-9pm u s-7am. Huwa ngħata l-ħelsien ukoll fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.