Il-Prim Ministru jiġġustifika l-aġir ta’ Dalli meta kien Direttur tal-Ħabs
“Kont ċar ħafna. Alex Dalli mhux se jitneħħa.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti mal-ġurnalisti l-Ħamis filgħodu fejn wara dawn is-snin kollha, biswit il-Minsitru Byron Camilleri, reġa’ tenna l-fiduċja li għandu fil-Kurunell Alex Dalli.
Dan minkejja li r-rapport tal-Ombudsman, li huwa istituzzjoni ta’ integrità, ikkundanna l-aġir u t-tmexxija ta’ Dalli meta kien jokkupa l-pożizzjoni ta’ Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fir-rapport it-tmexxija ta’ Alex Dalli ġiet deskritta bħala fabbrika tal-ħażen, u waħda li ffumentat razziżmu qawwi, fejn kienu rrapportati episodji fejn persuni kellhom il-klieb imkesksin ma’ wiċċhom u ngħataw xeba’ pajp bl-ilma.
Iżda għal Robert Abela, dan kien aċċettabbli – tant li għad għandu fiduċja fih.
Mhux talli hekk, talli minkejja l-kundanna tal-Ombudsman u dak kollu li seħħ taħt it-tmexxija tiegħu, fost l-oħrajn 14-il suwiċidju, Robert Abela tliet snin u nofs wara baqa’ jiddefendi lil Alex Dalli
Ironikament, Alex Dalli nħatar direttur tal-ħabs lura fl-2018, ħames snin wara li l-Labour ġie elett fil-Gvern. Dan ifisser li l-wirt li jsemmi Abela li wiret il-Kurunell, kienu xhur u snin ta’ tmexxija ta’ Gvern Laburista.
Intant, huwa attakka lill-Ombudsman u ddeskrivieh bħala bniedem komdu wara skrivanija.
Tliet snin u nofs ilu Robert Abela ppremja lil Kurunell Alex Dalli billi tah impjieg ta’ €100,000 fis-sena; iżda ftaħar li bix-xogħol tiegħu u l-Ministru Byron Camilleri għax ma baqgħux jaħarbu nies mill-ħabs.
Iżda minkejja dan kollu, il-Prim Ministru qed jiġi jaqa’ u jqum minn dak li qal l-Ombudsman, l-esperti, u x-xhieda – u Alex Dalli se jibqa’ jgawdi l-fiduċja tiegħu.
//= $special ?>