Yorgen Fenech ħareġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u b’hekk se jibda t-terminu tiegħu fuq libertà proviżorja. Dan seħħ wara ħames snin f’arrest preventiv, u wara talbiet ripetuti li kienu saru mill-avukati tiegħu biex jingħata l-bail.
Yorgen Fenech deher ħiereġ mill-ħabs ftit qabel is-6pm.
Fl-24 ta’ Jannar, il-Qorti ddeċidiet li Fenech irid iħallas depożitu ta’ €80,000 u garanzija personali ta’ €120,000 sabiex jingħata l-libertà proviżorja. Dan flimkien mal-garanzija li għamlet iż-żija tiegħu permezz tal-ishma tal-Grupp Tumas – ammont illi jaqbeż il-€50 miljun.
Yorgen Fenech jinsab implikat fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017. U hu mistenni jgħaddi ġuri dwar dan il-qtil makabru li kien ixxokja pajjiż sħiħ.
Fenech kien ġie arrestat f’Novembru tal-2019 fil-marina ta’ Portomaso, u l-arrest tiegħu kien wassal għar-riżenji ta’ Konrad Mizzi, Chris Cardona, u Keith Schembri. Dan filwaqt li Joseph Muscat kien spiċċa waqa’ mill-poter, f’nofs kriżi politika bla preċedent.
//= $special ?>