Lokali

Esperti globali jiltaqgħu f’Malta biex jiddiskutu familji mħallta b’saħħithom

Il-bidla fl-istrutturi tal-familja tradizzjonali qed iżżid il-prevalenza ta’ familji mħallta (blended families), u wasslet biex akkademiċi u esperti globali jiltaqgħu f’Malta llum biex idawru l-attenzjoni fuq l-isfidi u l-qawwiet uniċi tagħhom.

‘Strong Blended Families: Understanding What Works’ hija l-ewwel konferenza internazzjonali dwar din it-tema u qed issir f’Malta fuq jumejn. L-istudjużi, ir-riċerkaturi u l-prattikanti qed jinġabru biex jaqsmu l-kompetenza u l-esperjenza tagħhom biex jippromwovu dak li jgħin lill-familji mħallta jirnexxu u biex jifhmu xi tfisser din il-bidla fl-istrutturi tal-familja tradizzjonali għal dawk li jfasslu l-politika u servizzi relatati.

Organizzata minn The Malta Foundation for the Wellbeing of Society u l-Università ta’ Malta, din il-konferenza ssegwi l-istudji kwantitattivi u kwalitattivi li saru mill-akkademiċi Universitarji Prof. Angela Abela, Prof. Suzanne Piscopo, Prof. Sue Vella u Allison Zammit Said fl-2016 u l-2023.

Il-president ta’ The Malta Foundation for the Wellbeing of Society Marie-Louise Coleiro Preca qed tittama li din il-konferenza eventwalment twassal għall-ħolqien ta’ netwerk globali u twitti t-triq għal repożitorju komuni ta’ riċerka u l-aħjar prattiki dwar familji mħallta.

F’familja mħallta, imsejħa wkoll familja tar-rispett (step-family), wieħed jew iż-żewġ ġenituri għandhom tfal minn relazzjoni preċedenti, u ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw familja ġdida. Il-ġenituri jistgħu jkunu f’relazzjoni tal-istess sess jew eterosesswali u jistgħu, jew ma jistgħux, ikollhom tfal ma’ xulxin.

Bejn illum u għada, studjużi u kliniċi mill-Istati Uniti, il-Kanada, il-Finlandja, il-Ġappun, Singapor, id-Danimarka, il-Belġju, l-Isreal, ir-Russja, il-Portugall u Malta se jkunu qed jesploraw kif jgħixu u jirnexxu f’familji bħal dawn u x’jaħdem meta jerġgħu jissieħbu jew jiżżewġu mill-ġdid, fost suġġetti oħra.

L-uniku ħarsa lejn din ir-realtà huwa l-istudju tal-2016 li sar mill-Prof Abela, il-Prof Piscopo, il-Prof Vella u s-Sinjura Zammit Said fost 2,400 parteċipant f’Malta. Dan l-istudju ġie kkummissjonat mill-President’s Foundation for the Wellbeing of Society, u kien wera għall-ewwel darba li 53 fil-mija ta’ dawk li kienu ddivorzjati u 37 fil-mija ta’ dawk li sseparaw, issa kienu f’relazzjoni ġdida.

Il-Prof Abela, l-investigatura ewlenija tal-istudju mid-Dipartiment tal-Istudji dwar it-Tfal u l-Familja tal-Università, qalet li l-familji mħallta baqgħu inviżibbli, u ma ġibdux wisq attenzjoni politika jew popolari, minkejja żieda fin-numru ta’ koppji li qed ifittxu li jisseparaw jew jiddivorzjaw.

“Minkejja l-aħjar sforzi ta’ kulħadd, ir-rabta bejn il-membri l-ġodda tal-familja tista’ tkun proċess delikat biex wieħed jinnaviga. Ilkoll għandna rwol kruċjali biex ngħinu lil dawn il-familji jkunu aktar reżiljenti u jibnu pedamenti sodi… nistgħu niksbu dan biss permezz ta’ kollaborazzjoni aktar b’saħħitha u aktar riċerka biex nifhmu l-kobor tas-sitwazzjoni,” qalet il-Prof. Abela.