Lokali Saħħa

Gvern tad-delays jilgħab bis-saħħa tiegħek u tispiċċa tħallas minn butek int

Il-Gvern qed jibqa’ jgħaddi ż-żmien b’kulħadd fejn tidħol is-saħħa; waqt li jberbaq flus il-poplu fi proġetti li għadhom fuq il-karta, int tipprova ġġebbed sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni jew il-paga biex tħallas minn butek għal mediċini dejjem jogħlew jew out-of-stock

Aktar minn tmien snin ilu l-Gvern wegħedna hub ġdid għan-Nofsinhar. Hub li kellu jibda jopera fl-2020.

Sitt xhur ilu l-Ministru qal li kien jonqos biss iċ-ċertifikazzjoni.

Ġimagħtejn ilu ħarġu rapporti li ngħata direct order ieħor ta’ €1,700,000 għal dan il-hub.

U ftit tal-jiem ilu nsiru nafu li għad iridu jintefqu €10,000,000 biex jitlesta.

Dan hu Gvern tad-delays. Gvern li jonfoq flus il-poplu bla rażan u bla pjan, li ma jafx x’inhuma l-prijoritajiet tan-nies. Għal din l-inkompetenza qed ibatu l-pazjenti u l-professjonisti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Paola Hub li għadu bil-bibien magħluqa, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo qalu li l-Gvern ta’ Robert Abela ilu jigdeb u jgħaddi ż-żmien bin-nies għal snin sħaħ dwar is-saħħa.

In-nies tan-Nofsinhar kienu mwiegħda li se jkollhom sptar żgħir li jaqdihom meta jkollhom bżonn. Flus il-poplu ntefqu imma l-poplu għadu mhux moqdi.

Ftit xhur ilu, fi stunt ta’ qabel l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, Robert Abela u l-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela żaru l-Hub ta’ Raħal Ġdid u qalu li fi “żmien qasir” dan kien se jkun qed jaqdi kważi terz tal-popolazzjoni ta’ Malta, jiġifieri madwar 130,000 persuna min-naħa tan-Nofsinhar ta’ Malta. Minn dawn, sa issa n-numru ta’ persuni li ħadu l-kura f’dan iċ-ċentru huwa żero.

Din mhix l-ewwel darba li l-Gvern ta’ Robert Abela żgarra dwar dan il-hub.

Fl-2017 – meta l-proġett ġie approvat – kienu qalulna li dan il-hub reġjonali kien mistenni jilqa’ mas-600,000 pazjent kull sena sal-2020. Illum, fl-2025 għadu bil-bibien magħluqa.

U dan mhux l-uniku proġett li ilu ġej u qatt ma jasal. Hemm lista sħiħa ta’ proġetti oħra fil-qasam tas-saħħa li l-Gvern għamel għexieren ta’ konferenzi tal-aħbarijiet biex iħabbarhom li jew għadhom fl-arja jew saħansitra issa qed jgħidulna li mhux se jsiru: l-isptar ġdid għall-Għawdxin, l-isptar ġdid għas-saħħa mentali, il-hub għat-Tramuntana, u ħafna oħrajn.

Waqt li l-Gvern qed jitlajja u jkaxkar saqajh, għandna pazjenti fil-kjuwijiet, pazjenti li qed jaqtgħu qalbhom li xi darba se jieħdu t-trattament li għandhom bżonn minħabba l-waiting lists ma jispiċċaw qatt, pazjenti jiġru minn ċentru għall-ieħor biex forsi jinqdew u pazjenti jittallbu għall-mediċini u jkollhom joħorġu flus minn bwiethom għalihom għax ħafna minnhom huma out-of-stock. Oħrajn ikollhom jixtru mediċini mill-ispiżeriji għax dawk li joffrilhom il-Gvern huma ta’ kwalità baxxa.

Dan qed iwassal għal problema oħra għal bosta pazjenti, ħafna minnhom anzjani, li jridu jgħaddu bil-pensjoni.

Il-prezzijiet tal-mediċini dejjem jogħlew qed ipoġġu piż kbir fuq min irid jara kif se jġebbed sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni jew il-paga.

Bosta qed ikollhom joħorġu l-flus minn bwiethom anke biex jieħdu servizz mill-privat għax qatgħu qalbhom li jinqdew mis-servizzi mill-isptar jew miċ-ċentri tas-saħħa li huma mgħobbijin aktar milli jifilħu.

Ħafna drabi huma dawk l-aktar vulnerabbli u dawk bi dħul baxx jew medju li jbatu l-konsegwenzi ta’ Gvern bla pjan.

Min jingħata riċetta għal affarijiet mediċi bħal żraben apposta jew magna tan-nifs ukoll qed ikollu jħallas hu għalihom minkejja li suppost dawn jingħatawlu b’xejn.

Huwa ċar li l-Gvern qata’ qalbu u lanqas biss jinteressah li jipprova jagħti lill-poplu s-servizz tas-saħħa lil jixraqlu.

Is-saħħa, il-Gvern jużaha biss fis-slogans tal-elezzjoni. Imbagħad jarmiha.

Gvern ġdid Nazzjonalista għandu pjan ċar biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom servizz tas-saħħa li jaqdihom kif jixirqilhom.

Dawn huma l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għas-settur tas-saħħa:

  • Pajjiżna jkollu ċentri tas-saħħa li jaħdmu, inkluż il-hubs fit-Tramuntana u n-Nofsinhar;
  • Isir investiment fl-Isptar San Luqa u dan ikun inkorporat fis-sistema tas-saħħa biex jiżdied sostanzjalment in-numru ta’ sodod għall-pazjenti u ma nħallux pazjenti fil-kurituri, stores u canteens;
  • Jinbena sptar ġenerali ġdid f’Għawdex;
  • Isir investiment bis-serjetà fil-mediċini;
  • Flusek imorru fuq in-nefqa f’dak li verament għandna bżonn u mhux fuq il-bejgħ ta’ sptarijiet lill-frodisti bħalma għamel dan il-Gvern ma’ Vitals u Steward;
  • Ikun hemm apparat tas-saħħa mill-aktar modern, li jgħin bl-aqwa mod fil-kura tal-pazjent;
  • Ikunu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa biex ikunu attirati aktar nies lejn dawn il-professjonijiet;
  • Jinvesti fis-servizzi għall-anzjani tagħna;
  • Jinvesti fis-saħħa mentali u fi sptar ġdid f’dan is-settur li ilu jiġi mwiegħed snin twal u li qatt ma sar.

Gvern ġdid Nazzjonalista ma jilgħabx bis-saħħa tal-Maltin.