Lokali

Il-Fratellanza tas-Santissmu Sagrament fiż-Żurrieq tiċċelebra l-450 sena tagħha

Kien propju 450 sena ilu meta fid-9 ta’ Frar 1575, il-viżitatur appostoliku Mons. Pietro Dusina għamel
il-viżta tiegħu fiż-Żurrieq, fejn żar il-Parroċċa ddedikata lil Santa Katarina Verġni u Martri ta’
Lixandra. Parroċċa li taf l-oriġini tagħha lura lejn nofs is-seklu 14. Fil-viżta pastorali tiegħu, Mons.
Dusina apparti li jagħti deskrizzjoni tal-knisja parrokkjali ta’ dak iż-żmien imwaqqfa ad unur tal-Patruna taż-Żrieraq kif ukoll tas-36 knisja jew kappella oħra li kienu mferxa mad-diversi rħula li
kienu jagħmlu parti minn din il-Parroċċa, dakinhar stess waqqaf ukoll il-Fratellanza tas-Santissmu
Sagrament ġewwa l-istess Parroċċa.

Fratellanza li maż-żmien ukoll bdiet tissejjaħ bħala ‘Fratellanza tas-Santissmu Sagrament u l-Qalb ta’
Ġesù bl-insistenza tal-Arċipriet Giovanni Battista Ghio li kellu devozzjoni speċjali lejn il-Qalb
Imqaddsa ta’ Ġesù. Din il-Fratellanza li hija l-eqdem waħda fost il-ħames fratellanzi li nsibu
mwaqqfin f’din il-Parroċċa fejn li propju din is-sena qedgħa tiċċelebra għeluq l-450 sena mit-twaqqif
tagħha.

Kien għalhekk li l-kumitat tal-Fratellanza flimkien mal-Arċipriet tal-Parroċċa, Dun Daniel Cardona
fasslu programm ta’ attivitajiet għal matul din is-sena li raw il-bidu tagħhom nhar l-1 ta’ Diċembru
2024 ġewwa l-knisja ta’ Santa Marija f’Bubaqra fejn apparti li saret quddiesa kantata f’għeluq lgħoxrin sena mill-mewt tal-eks prokuratur tal-Fratellanza, Dun Salv Farrugia, il-Fratellanza irregalat
pittura tal-Beatu Carlo Acutis lil din il-knijsa, xogħol l-artist Żurrieqi Steve Farrugia. Għal din issena anniversarja ġie varat ukoll logo kif ukoll il-Fratellanza ser tkun qed tiehu sehem waqt il-ġublew
tal-pellegrini li ser isir ġewwa l-Vatikan f’Mejju li ġej.

Sabiex titfakkar din il-ġrajja storika, matul din tmiem l-ġimgħa li ġej, jiġifiri s-Sibt 8 u l-Ħadd 9 ta’
Frar, 2025, il-Fratellanza ser tkun qedgħa tfakkar Jum il-Fondazzjoni tagħha ġewwa l-Knisja Matriċi
u Arċipretali ta’ Santa Katarina Verġni u Martri taż-Żurrieq. Is-Sibt 8 ta’ Frar, 2025 permezz ta’
ġurnata ta’ adorazzjoni u biex umbagħad l-Ħadd 9 ta’ Frar, 2025 fis-6 ta’ filgħaxija, ser tittellgħa
quddiesa kantata, ikkonċelebrata mill-ET. Mons. Joe Alessandro, OFM Cap, Isqof Emeritus ta’
Garissa flimkien ma’ diversi saċerdoti oħra kif ukoll ma’ għadd ta’ Fratellanzi oħra tas-Santissmu
Sagrament. Jieħu sehem il-Kor ‘Cantate Domino’ taħt it-tmexxija ta’ Mro. Paul Portelli.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet imbagħad jintlaħqu matul ix-xahar ta’ Ġunju fejn il-Fratellanza tkun
torganizza u tiċċelebra l-Festa tal-Fratellanza ddedikata lil Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù nhar is-27 ta’
Gunju 2025 ġewwa l-istess parroċċa