Lokali Unjoni Ewropea

Il-mobbiltà militari tal-UE għadha ma qabditx ritmu mgħaġġel

•Iċ-ċaqliq ta’ truppi u armi madwar il-pajjiżi tal-UE għadu problematiku • Diġà ġie allokat baġit sħiħ tal-UE ta’ €1.7 biljun għall-mobbiltà militari • L-awdituri jappellaw biex l-azzjoni tal-UE tkun aktar iffukata u l-finanzjament isir aktar prevedibbli

Il-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE għadhom ma jistgħux jiċċaqilqu malajr madwar l-UE.
Din hija l-konklużjoni ta’ rapport ġdid maħruġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. L-aħħar pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar il-mobbiltà militari ra progress imħallat minħabba dgħufijiet fit-tfassil, u għad hemm ostakli f’dak li jirrigwarda t-twettiq tiegħu. L-għan li l-persunal, it-tagħmir u l-provvisti militari jiġu mċaqalqa malajr u mingħajr xkiel fl-UE u lil hinn minnha — fi żmien qasir u fuq skala kbira — għadu ma ntlaħaqx.

Il-miri tad-difiża nbidlu, hekk kif il-gwerra ta’ intensità għolja reġgħet lura lejn il-kontinent Ewropew u l-UE qed tfittex li fil-futur tipproteġi lilha nnifsha b’mod effiċjenti kontra kwalunkwe aggressjoni. Il-politika tagħha dwar il-mobbiltà militari evolviet mill-ewwel pjan ta’ azzjoni fl-2018 ’il hawn. Għall-ewwel darba, il-baġit tagħha għall-perjodu 2021–2027 warrab ammont iddedikat għal proġetti militari u ċivili ta’ infrastruttura tat-trasport b’użu doppju. Madankollu, il-bidla radikali kienet il-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna, li biddlet il-ħtieġa strateġika tal-blokk għall-mobbiltà militari fi kwistjoni ta’ urġenza. Taħt pressjoni ta’ żmien, l-UE ppubblikat it-tieni pjan ta’ azzjoni tagħha f’Novembru 2022.

Il-mobbiltà militari hija kruċjali biex il-kapaċità tad-difiża tal-UE ssir kredibbli, u huwa ċar li jeħtieġ li l-affarijiet jitħaffu. Iżda għadha ma qabditx ritmu mgħaġġel minħabba diffikultajiet tul it-triq,” qal Marek Opioła, il-Membru tal-QEA inkarigat mir-rapport.

L-organizzazzjoni ta’ movimenti militari jaf tħabbat wiċċha ma’ dewmien sinifikanti għal raġunijiet differenti, bħal burokrazija. Pereżempju, it-tankijiet minn pajjiż wieħed tal-UE ma jistgħux jgħaddu minn pajjiż ieħor jekk ikunu itqal milli huwa permess mir-regolamenti tat-traffiku fit-toroq. F’ċirkustanzi normali, pajjiż tal-UE bħalissa jeħtieġ notifika ta’ 45 jum ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ moviment bejn il-fruntieri.

L-awdituri sabu li l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx ivvalutat bir-reqqa l-ħtiġijiet minn qabel meta kienet qed tħejji l-Pjan ta’ Azzjoni 2.0, u b’hekk ma setgħetx tagħmel stima b’saħħitha tal-finanzjament meħtieġ biex tilħaq l-objettivi tagħha. B’total ta’ €1.7 biljun għall-perjodu 2021–2027, il-baġit tal-UE għall-mobbiltà militari huwa relattivament modest, iżda l-Istati Membri laqgħuh bħala pass fid-direzzjoni t-tajba. L-UE malajr għamlet il-fondi disponibbli, u b’hekk tat sinjal politiku importanti. Madankollu, id-domanda kienet qabżet bil-kbir il-provvista, u dan ifisser li ma kienx għad baqa’ flus imwarrba sa tmiem l-2023. Ir-riżultat huwa li jridu jgħaddu aktar minn erba’ snin qabel mal-fondi tal-UE għall-mobbiltà militari jkunu jistgħu jerġgħu jsiru disponibbli, u għaldaqstant dan ixekkel l-istabbiltà u l-prevedibbiltà tal-finanzjament.

Għalkemm jeħtieġ li l-fondi jkunu mmirati sew sabiex ikollhom impatt, il-fatturi ġeopolitiċi u militari ma tqisux biżżejjed meta ttieħdu deċiżjonijiet dwar liema proġetti ta’ infrastruttura b’użu doppju għandhom jiġu ffinanzjati. Barra minn hekk, il-proġetti ntgħażlu b’mod frammentat, mhux dejjem fl-aktar postijiet strateġiċi, u mingħajr ma tqieset l-istampa usa’. Il-proġetti ġew iffinanzjati prinċipalment fil-Lvant tal-UE, iżda l-blokk kważi ma ffinanzja l-ebda proġett fuq ir-rotta tan-Nofsinhar lejn l-Ukrajna. Barra minn hekk, il-proġetti kienu diġà ntgħażlu għall-finanzjament mill-UE qabel ma ġew stabbiliti l-aktar prijoritajiet urġenti.

L-arranġamenti ta’ governanza għall-mobbiltà militari fl-UE huma kumplessi u frammentati, mingħajr punt uniku ta’ kuntatt, u dan jagħmilha diffiċli li wieħed ikun jaf min qed jagħmel xiex. Biex jgħinu lill-UE timxi ’l quddiem, l-awdituri jissuġġerixxu li jittejbu l-governanza u l-fokus tal-azzjoni tal-UE, filwaqt li l-finanzjament isir aktar prevedibbli. L-UE tista’ wkoll tisfrutta l-potenzjal tal-fondi attwali tagħha għat-trasport ċivili sabiex ittaffi d-diffikultajiet għall-mobbiltà militari.