Lokali Qorti

Ir-racket tal-benefiċċji soċjali: Tnejn akkużati ma’ Silvio Grixti ma jridux jiġu eżaminati minn espert mediku

Tnejn mill-ħames akkużati dwar ir-racket ta’ €6 miljun fi frodi tal-benefiċċji tad-diżabbiltà, li magħhom hemm akkużat l-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti, ma jridux jiġu eżaminati minn espert mediku mqabbad mill-Qorti.

L-Avukat Josè Herrera li flimkien ma’ l-Avukati Mario Mifsud u Nicolas Mifsud li qed jidhru għal Luke Saliba u Roġer Aguis, infurmaw lill-Maġistrat Rachel Montebello b’dan il-fatt fejn tennew li l-klijenti tagħhom ma jridux jiġu eżaminati mill-espert mediku dwar il-kundizzjoni medika li qalu li għandhom.

Dan ħareġ hekk kif il-Ħamis filgħodu, il-Maġistrat Montebello kompliet tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-Tabib Silvio Grixti u Dustin Caruana, Manuel Spagnol, Luke Saliba u Roger Agius li fost sensiela ta’ akkużi jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus, frodi u organizzazzjoni kriminali.

Id-difiża ta’ Saliba u Aguis talbu għar-revoka tad-digriet tal-Qorti, meta ħatret espert mediku sabiex jeżaminahom dwar il-kundizzjoni medika li qalu li għandhom. Ingħad li bl-eżami mediku tal-espert, l-akkużati se jinkriminaw lilhom infushom.

Il-prosekuzzjoni  xejn ma qablet dwar din it-talba u fakkret li meta tressqet it-talba li jinħatar espert mediku, id-difiża ma sabet l-ebda oġġezzjoni. Sostniet li l-eżami huwa wieħed essenzjali u neċessarju sabiex il-prosekuzzjoni tipprova l-każ tagħha.

Roger Agius, Emmanuel Spagnol, Dustin Caruana u Luke Saliba, qed jiġu mixlija li waqqfu u li ffurmaw parti minn organizzazzjoni kriminali, li ffrodaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ammont ta’ aktar minn €5,000 u falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali.

L-irġiel huma akkużati wkoll li ffalsifikaw dokumenti pubbliċi u xjentement għamlu użu minnhom, għamlu dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet pubbliċi u fil-pussess ta’ oġġetti maħsuba biex jintużaw għal skopijiet frawdolenti, kif ukoll akkuża separata ta’ ħasil ta’ flus.

Grixti jinsab akkużat li pprovda lill-applikanti b’ċertifikati mediċi għal diżabbiltà li fil-verità ma sofrewx minnhom, li ppermettewlhom jikkwalifikaw għall-allowance wara li dehru quddiem bord mediku. Il-Pulizija qed takkuża lil Agius, Spagnol, Caruana u Saliba li aġixxew bħala intermedjarji, li ġabru ħlasijiet mingħand il-benefiċċjarji b’mod frawdolenti.

L-Avukati Micheal Sciriha, Lucio Sciriha u Roberto Spiteri qed jidhru għal Caruana u Spagnol. L-Avukati Mario u Nicholas Mifsud qed jidhru għal Agius filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għat-Tabib Grixti. Għal Saliba qed jidhru l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Charmaine Abdilla mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne Borg u Shaun Friggieri. Għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed tidher l-Avukat Anita Giordimaina. Il-kumpilazzjoni se tkompli fl-10 ta’ Marzu li ġej f’nofsinhar.