Kunsilli Lokali Lokali

It-Torri l-Abjad jingħata dawl speċjali

amo.

Dawl speċjali ġie mixgħul biex jillumina t-Torri l-Abjad fl-Aħrax tal-Mellieħa, grazzi għal donazzjoni ġeneruża minn GasanMamo Insurance.

Il-proġett kien kumpless peress li x-xewqa li jinxtegħel is-siluwett mill-isbaħ tat-torri kellha tiġi bbilanċjata mal-ħtieġa li tiġi mħarsa s-sema bil-lejl u l-għasafar li jgħixu f’din iz-zona, sabiex ma jkunx hemm sorsi ta’ dawl li jistgħu jtellfuhom.

Wara konsultazzjoni ma’ esperti, ġie installat dawl speċjali ddisinjat apposta u livell baxx biex idawlu l-perimetru tal-foss storiku tat-torri, u b’hekk jagħmluh aktar sigur. Il-proġett kien jinvolvi wkoll sistema ta’ CCTV biex tittejjeb is-sigurtà.

Id-dawl inxtegħel l-Erbgħa filgħaxija sabiex jiġu sfruttati l-isbaħ veduti tax-xemx nieżla fuq Kemmuna, fil-preżenza ta’ membri ta’ Din l-Art Ħelwa, diretturi minn GasanMamo Insurance, kif ukoll delegazzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa mmexxija mis-Sindku Gabriel Micallef. Din l-Art Ħelwa tieħu ħsieb is-sit taħt ftehim mal-Kunsill wara li wettqet ir-restawr ta’ dan is-sit storiku li beda fl-2016.

It-Torri l-Abjad inbena fl-1656 u kien is-sitt wieħed mit-13-il torri tal-għassa kostali mibnija mill-Gran Mastru Martin de Redin biex jipproteġu l-kosta mill-invażjonijiet matul l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta. Meta l-Ordni telqet minn Malta, it-torri ntuża mir-Royal Fencible Artillery.

Din l-Art Ħelwa ħadet ħsiebu flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u adattat dan is-sit ikoniku għal skopijiet edukattivi, b’aċċess għal viżitaturi u studenti.