Futbol Sport

Malta fi Grupp F għall-kwalifikazzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena

It-tim Nazzjonali Malti se jkun qiegħed jilagħab fi Grupp F tal-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena li jinkludi lill-Ġermanja, Georgia, il-Greja, l-Irlanda ta’ Fuq u l-Latvja.

It-tlugħ tal-poloz sar il-Ħamis 6 ta’ Frar fil-kwartieri ġenerali tal-UEFA f’Nyon fl-Iżvizzera.

Id-disa’ rebbieħa tal-gruppi flimkien mat-timijiet ikklassifikati fit-tieni post bl-aħjar rekord kontra l-aqwa ħamsa fil-grupp tagħhom, jikkwalifikaw direttament għall-fażi finali. 

It-tmien timijiet l-oħra li jtemmu fit-tieni post, jilagħbu fi play-offs biex jiġu deċiżi l-erba’ finalisti li jkunu fadal.

Il-partiti tal-fażi tal-gruppi se jintlagħbu bejn Marzu 2025 u Ottubru 2026, segwit minn rawnd ta’ play-iffs f’Novembru tal-2026.

It-tournament propja jintlagħab fis-sajf tal-2027, u se jkun maqsum bejn l-Albanija u s-Serbja.

Din l-fażi ta’ kwalifikazzjoni se tkun ukoll l-ewwel sfida għal Davide Mazzotta fl-irwol tal-kowċ tat-tim Nazzjonali ta’ taħt il-21 sena, wara li nħatar f’din il-kariga f’Jannar li għadda.

Huwa għandu rekord tajjeb għall-iżvilupp ta’ players żgħażagħ fi triqithom lejn l-ogħla livell tal-futbol internazzjonali.