Raġel ta’ 32 sena mill-Fgura ġie mixli quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u cannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Brian Mangion ġie mixli wkoll li naqas li jħares il-kundizzjonijiet tal-Qorti fuq każ ieħor. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kellha informazzjoni li Mangion kien fil-pussess tad-droga u li dan beda jittraffikaha minn ħanut tal-logħob f’Ħaż-Żabbar. Huwa ġie arrestat l-Erbgħa fil-11am. Instabu ħames grammi ta’ sustanza bajda ta’ kokaina, u tliet boroż u vażett ta’ droga cannabis.
Wara aktar investigazzjonijiet instab ukoll ammont minimu ta’ cannabis fejn kien qed jgħix. Huwa kien ibbenifika mill-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor, kompliet tgħid il-prosekuzzjoni. L-Avukat Franco Debono li deher għal Mangion flimkien mal-Avukat Adreana Zammit qal li l-każ l-ieħor kien dak ta’ ‘self defence.’
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li Mangion ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u fl-istqarrija dejjem qal li kienet għalih biss. Huwa wkoll ipprovda l-password tal-mobile tiegħu. L-Avukat Debono qal li l-ammont ta’ droga kienet waħda minima – dik ta’ ħames grammi kokaina u l-cannabis ma qabżitx l-10 grammi.
L-akkużat għamel talba għall-pleġġ u bħala indirizz kien lest li jmur jgħix mas-sieħba tiegħu fejn id-difiża qalet li hu kien lest ukoll li jaqbleb il-karta tal-identità fuq l-indirizz tagħha f’Ħal Tarxien. Debono qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu ma kienx konxju li ried javża lill-Pulizija bil-bdil tal-indirizz.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet milqugħa mill-Qorti fejn irid jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija, l-Erbgħa, s-Sibt u l-Ħadd, li jiffirma bejn id-9am u t-8pm, li jkun id-dar sa nofsillejl u ma joħroġ qabel id-9am. Mangion ukoll ried jagħmel depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000, kundizzjonijiet simili ta’ dak mogħti lilu mill-Qorti fil-każ preċedenti tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion megħjun mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>