Lokali Qorti

Mixli li hedded lil ommu minħabba d-droga

Raġel ta’ 43 sena residenti Ta’ Xbiex li qal li m’għandux impjieg, wieġeb mhux ħati ta’ vjolenza domestika fuq ommu meta allegatament hedded lil ommu u li kkaġunalha biża’ li tista’ ssir vjolenza fil-konfront tagħha. Huwa nżamm arrestat fejn id-difiża lanqas biss għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest.

Kenneth Zammit li għandu problema tad-droga, ġie mixli tali reat wettqu fuq persuna anzjana u ġab ruħu b’tali mod li taha fastidju u li woll inġurjaha. Huwa ġie mixli wkoll li fit-18 ta’ Jannar għall-ħabta tas-6.20am mhux biss inġurja lil ommu, iżda ħareġ barra mil-limitu tal-provokazzjoni.

Minn sorsi, xi ħaġa li ma ħarġitx fil-Qorti, irriżulta li meta nqabad bla flus, hedded lil ommu meta din irrifjutat li tagħtih. Il-Qorti rrakkomandat li l-imputat jiġi segwit fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jindirizza l-problema tat-teħid mid-droga.

Għal Zammit dehret l-Avukat tal-Għajnuna Legali Yanika Bugeja filwaqt li bħala parte civile dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.