Internazzjonali

Netenyahu jgħid li l-idea ta’ Trump dwar Gaza hija “brillanti”

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netenyahu saħaq li l-idea ta’ Donald Trump li l-Istati Uniti tieħu f’ideja l-medda ta’ Gaza biex issir “Riviera”… hi idea brillanti.

Dan wara li Donald Trump saħaq li hu lest jirripatrija maż-żewġ miljun Palestinajn sabiex l-Istati Uniti tkun tista’ tieħu f’ideja l-bini mill-ġdid tal-medda ta’ Gaza – wara sena ta’ bumbardamenti kontinwi mill-forzi Iżraeljani.

Madanakollu din l-idea ma niżlet xejn tajjeb fuq skala internazzjonali – b’pajjiżi alleati tal-Istati Uniti jisħqu li r-ripatrijazzjoni ta’ miljuni ta’ Palestinjani ‘l bogħod minn arthom kapaċi tkompli ġġib l-istess poplu vulnerabbli.

Dan filwaqt li l-Grupp terroristiku Hamas, li preżentament imexxi l-Palestina, saħaq li mhu ser jaċċettaw qatt li arthom tkun b’xi mod ikkontrollata mill-forzi tal-Istati Uniti – anke wara li l-Prim Ministru Iżraeljan Netenyahu qabel ma din l-idea ta’ rikostruzzjoni Amerikana fil-Palestina.

Min naħa tiegħu s-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio saħaq li din ir-rilokazzjoni tal-poplu Palestinjan ser tkun temporanja, dan sakemm isir ix-xogħol meħtieġ. U jidher li l-Gvern Amerikan kellu jikkjarifika l-fatti wara li, Donald Trump qabad u sostna li l-medda ta’ Gaza kapaċi tkun Riviera il-ġmiel tagħħha li tista’ titgawda mill-pajjiżi tal-madwar.

Madanakollu la l-Gvern Amerikan u wisq anqas il-Gvern Iżraeljan għadhom ma spjegaw min ser ikun responsabbli tal-medda ta’ Gaza waqt din ir-rikostruzzjoni potenzjali – b’pajjiżi ġirien Arab jisħqu li din l-idea mhi xejn għajr invażjoni ta’ art u eżilju ta’ poplu.

Din ma kienitx l-unika kontroversja li ħarġet mill-Gvern Amerikan f’dawn l-aħħar jiem u sigħat – hekk kif l-Erbgħa Donald Trump ordna li persuni transgender mhux ser ikunu jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet sportivi tal-ġeneru li ma jkunux twieldu fih – bil-President tal-Istati Uniti jisħaq li “l-irġiel m’għandhomx jitħallew jilgħabu man-nisa”.

U s’issa wara biss ġimgħat fit-tmun tal-Istati Uniti kollox jindika li Donald Trump u t-2 mandatt tiegħu ser ikun iktar kontoversjali mill-ewwel wieħed.