Lokali

Opinjoni: Ġustizzja u ekwità

mill-Assoċjazzjoni Pensjonanti Partit Nazzjonalista (APAN)

L-anzjani ma jridux karità. Iridu dak li ħadmu għalih tul ħajjithom kollha. Iridu pensjoni li tgħinhom jgħixu l-aħħar snin ta’ ħajjithom mingħajr inkwiet. L-iżjed fejn jidħlu finanzi.

Anzjan ikun ilu ħajjtu jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Nazzjonali. Kontribuzzjonijiet li suppost jagħmlu tajjeb għall-pensjoni li jieħu darba jkun intitolat għaliha. U mal-pensjoni għaż-żidiet għall-għoli tal-ħajja.

Iżda anqas dawn mhuma biżżejjed! Illum il-COLA, il-mekkaniżmu li twaqqaf minn gvern Nazzjonalista flimkien mal-unions u l-partijiet soċjali 34 sena ilu, hemm bżonn jiġi aġġornat. Dak li sar daqshekk żmien ilu li wassal biex elimina d-diżgwid li kien jgħaddi minnu l-pajjiż kull sena wara l-baġit. Dan il-mekkaniżmu jiddependi fuq il-kejl tal-għoli tal-ħajja li joħroġ mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut li suppost jirrifletti l-għoli tal-ħajja. Qiegħed illum dan l-indiċi jirrifletti dan l-għoli? Fejn  jidħlu l-anzjani nemmnu li le! L-anzjani m’għandhomx l-istess ħtiġiet tal-bqija tal-poplu. L-anzjani, mill-pensjoni li jkollhom, iridu qabel xejn  jagħmlu tajjeb għall-ikel li fl-aħħar snin  għola d-doppju, u iktar, tar-rata tal-inflazzjoni. Iridu jagħmlu tajjeb għall-mediċini li jixtru minn bwiethom. Għas-saħħa tagħhom fejn il-gvern ma jipprovdix għaliha.

Għal dawk li m’għandhomx id-dar tagħhom fejn joqogħdu, ħafna anzjani sabu li l-kera għoliet mas-smewwiet. F’ħafna każi kera iktar mill-pensjoni. Dan qed iwassal biex in-numru ta’ anzjani bla saqaf fuq rashom qed jiżdied. Kif qed jiżdied in-numru ta’ dawk jgħixu f’garaxxijiet u remissi.

L-anzjani jeħtiġilhom rispett. Għalhekk meta jiġu għall-kura fl-isptarijiet m’għadhomx jitħallew fl-emerġenza jistennew wara ħaddieħor. M’għadhomx jitpoġġew fil-kurituri li nbidlu fi swali mingħajr il-ħtiġiet l-iktar bażiċi. Anqas m’għandhom  jistennew xhur u snin għal interventi li jkollhom bżon fl-isptar.

Kieku llum qegħdin aħjar kif jiftaħar dan il-gvern kieku m’hawnx 29,000 fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali. Kieku m’hawnx mijiet li jmorru jieklu mis-“soup  kitchens”. Kieku m’hawnx rekord ta’ anzjani bla saqaf fuq rashom.

L-anzjani jistennew trattament aħjar. Trattrament dekoruż. Għalhekk ħadmu. Għahekk meta ħadmu ħallsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. 

Problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-anzjani

M’hemmx dubbju li l-anzjani fl-aħħar 60 sena għamlu avvanzi kbar. U allaħares le! Iżda baqa’ ħafna problemi li l-anzjani qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Problemi li huma anke riżultat li qed ngħixu iżjed.

Dawn il-problemi jinkludu:

  • Pensjonijiet mhux adegwati għall-ħajja tal-lum. Dan joħroġ ċar minn informazzjoni li ħarġet dan l-aħħar mill-YMCA fejn attribwiet waħda mir-raġunijiet għaż-żieda ta’ anzjani li qed iffitxu refuġju għandhom għal saqaf fuq rashom hi li l-pensjonijiet mhumiex biżżejjed meta tpoġġihom fil-konfront tal-għoli tal-ħajja.
  • Faqar u riskju tal-faqar li jilħaq 30 fil-mija tal-anzjani kollha ‘l fuq minn 65 sena. Numru ta’ anzjani f’riskju tal-faqar li mill-2012 sas-sena l-oħra  kiber bit-tripplu.
  • Indiċi tal-Prezzijiet li ma jurix il-veru għoli tal-ħajja għall-anzjani. Bir-rata perċentwali tal-ikel id-doppja għal dik tal-inflazzjoni.  Iktar infiq fuq l-ikel inaqqas il-“purchasing power” tal-anzjani u jwassalhom biex jitħabtu biex  jaslu sal-aħħar tax-xahar. Kif inaqqas il-“purchasing power” tal-anzjani iż-żieda fil-prezzijiet tal-mediċini u l-kirjiet.
  • Sistema bankarja fejn il-policy ta’ “one size fits all” qed tkun ta’ detriment kbir għall-anzjani b’ħafna fergħat tal-banek la jsarrfu ċekkijiet u anqas jirċievu depositi u bl-anzjani jmorru jsarrfu ċ-ċekkijiet f’fergħat oħra barra l-lokalità tagħhom. Dan qed iwassal ħafna anzjani biex jgħaddu l-ATM card tagħhom lill-familjari jew ġirien. Li mhux kollha jistgħu jkunu fdati b’din il-card!
  • Nuqqas ta’ sodod fi djar tal-anzjani għal dawk li ma jistgħux joqogħdu waħdehom. Illum għandna f’pajjiżna 20,000 anzjani jgħixu waħedhom. Sadattant, hemm madwar 1,600 jistennew post f’dar tal-anzjani. Dawn għaddew il-proċeduti kollha, li jirriżulta li saru iktar iebsin, iżda xorta għadhom barra għaliex il-gvern flok bena iktar djar għall-anzjani għalaq tnejn milli kien hemm.
  • Stennija twila fl-isptarijiet u l-health centres li ħafna anzjani ma jifilħux għaliha. Stennija biex jsirilhom intervent mhux ta’ xhur iżda snin.
  • Inizjattivi favur l-anzjani li flok jiżdiedu qed jonqsu. B’ħinijiet ta’ għajnuna fid-djar li qed jitnaqqsu anke bin-nofs għaliex m’hemmx ħaddiema biżżejjed.
  • Is-solitudni li tkidd ħafna anzjani l-aktar meta jkun riesaq illejl. Problema li titlob night shelters flimkien ma’ trasport ipprovdut għal dawk li ma joqogħdux fil-lokalità ta’ fejn ikun hemm in-night shelters u ma jkollhomx min iwassalhom.

Lista twila ta’ problemi. Iżda huma biss  ftit mill-problemi li qed jiltaqgħu magħhom l-anzjani llum. Problemi li qed jiżdiedu. Li għadu ma nstab ebda rkaptu għalihom minkejja l-ftaħir kollu li nisimgħu.

Laqgħa ta’ informazzjoni f’Tal-Pietà

Fil-każin Nazzjonalista f’Tal-Pietà, nhar il-Ħamis li għadda nżammet l-ewwel laqgħa ta’ informazzjoni għal din is-sena.

Il-laqgħa, li kellha attendenza numeruża, kienet indrizzata minn Paula Mifsud Bonnici, Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva; u minn Ivan Bartolo, Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Ġlieda Kontra l-Faqar, Esklużjoni Soċjali u Solitudni u l-Pensjonijiet. Il-Laqgħa tmexxiet minn Joe Zahra, President tal-APAN.

Kemm Paula Mifsud Bonnici kif ukoll Ivan Bartolo tkellmu dwar il-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom  l-anzjani minħabba diversi fatturi fosthom l-għoli tal-ħajja, pensjonijiet mhux adegwati, kirjiet għoljin, servizzi fl-isptarijiet, nuqqas ta’ mediċini, is-solitudni, servizzi inadegwati għaż-żminijiet tal-lum, nuqqas ta’ postijiet fid-djar tal-anzjani.

Dawk preżenti kellhom ukoll l-opportunità li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom anke dwar problemi li jolqtuhom.

Wara, dawk preżenti kellhom l-okkażjoni jqattgħu ħin jitkellmu flimkien mad-deputati Nazzjonalisti preżentu u l-uffiċjali tal-APAN.

Attivitajiet imtellgħa mill-APAN

Darba għaddew il-festi, l-APAN bdiet bl-attivitajiet tagħha għal din is-sena.  Attivitajiet li mhux biss beħsiebna nkomplu iżda wkoll inżidu.

 • Nhar il-Ħamis 30 ta’ Jannar kellna l-ewwel laqgħa ta’ informazzjoni fil-każin tal-partit f’Tal-Pietà

  • Nhar il-Ħamis 13  ta’ Frar ser norganizzaw l-ewwel żjara kulturali għal din is-sena fil-Palazz ta’ Sant’Anton li ser tibda b’quddiesa. Din iż-żjara hi “fully booked”.

• Nhar il-Ħamis 27 ta’ Frar l-APAN ser torganizza wkoll l-ewwel mis-sensiela ta’ “Niltaqgħu ma’ ……”. Għal din il-laqgħa ser nintervistaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Il-laqgħa tibda fid-9.45 am u ssir fis-sede ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Dawk li beħsiebhom jattendu huma mħeġġa li jkunu fil-post kmieni. Wara l-laqgħa jkun hemm ħin biex nitkellmu, nieklu u nixorbu xi ħaġa flimkien.

• Ta’ kull xahar l-APAN ikollha l-programm “Mill-anzjani għll-anzjani” fuq NET FM. Dan jiġi mtella’ minn Joe Mikallef. Dan il-programm, li jsir f’forma ta’ dibattitu, hu wieħed popolari ħafna fost l-anzjani. L-ewwel wieħed għal din is-sena ttella’ fis-27 ta’ Jannar.

Min jinteressaħ jippareteċipa f’dawn l-attivitajiet għandu jsegwi l-ġurnali u l-midja tal-PN.  Min irid li jkun infurmat b’mod personali jista’ jikkomunika permezz tat-telefon mas-segretarju ġenerali tal-APAN: Remigio Bartolo 7947 6273.