Lokali

OPINJONI: Il-problema tal-popolazzjoni Maltija

Il-għadd ta’ wlied li qed jiżdiedu l-Maltin mhux biżżejjed biex il-popolazzjoni tibqa’ kif inhi. Minn studji ħareġ li fi żmien 45 sena, il-popolazzjoni Maltija se tkun naqset b’nofs.

minn Mark A. Sammut Sassi

Malta għandha l-aktar rata ta’ fertilità baxxa fl-Unjoni Ewropea. Il-għadd ta’ wlied li qed jiledu l-Maltin mhux biżżejjed biex il-popolazzjoni tibqa’ kif inhi. Minn studji ħareġ li fi żmien 45 sena, il-popolazzjoni Maltija se tkun naqset b’nofs.
Il-Professur Anna Borg saħqet ftit ilu li l-Maltin mhumiex jifhmu l-gravità tas-sitwazzjoni. Skont studju, ħafna Maltin għall-ewwel ikunu jridu żewġ ulied – imbagħad jispiċċaw b’wieħed. Iżda skont il-Professur Rose Marie Azzopardi, biex il-popolazzjoni tibqa’ stabbli jeħtieġ li l-ġenerazzjoni li qed tiled bħalissa jkollha mill-anqas tlitt ulied.

Gvern u Oppożizzjoni
Il-Gvern qed joffri €1,500 ta’ darba lill-familji għat-tielet wild u għal kull wild ieħor wara t-tielet, filwaqt li ċ-children’s allowance għoliet b’€250 kull wild. L-Oppożizzjoni pproponiet li l-leave tal-ġenituri jiżdied minn 8 ġimgħat għal tmienja u għoxrin, li l-leave tal-missier jiżdied minn għaxart ijiem għal ħmistax, u tal-omm minn 18-il ġimgħa għal erbgħa u għoxrin.
Jidhirli li dawn huma proposti tajbin. Però, f’fehmti dawn huma proposti li jindirizzaw biss is-sintomi mhux ukoll il-problema tal-qiegħ.

Klima
Il-problema tal-qiegħ, f’fehmti, hi l-klima “filosofiku”. Tista’ toffri l-inċentivi kollha tad-dinja – imma huma kollha ta’ xejn jekk in-nies tħoss nuqqas ġewwien.
Dan bħalmeta jkollok iben li tridu bilfors jistudja, u tixtrilu l-kotba u l-pitazzi, u l-lapsijiet u l-pinen, u skrivanija mill-isbaħ u kompjuter fost l-aqwa, u xorta ma jistudjax. Għax mhux l-affarijiet esterni jgħoddu biex issaħħaħha l-volontà iżda xi jkun għaddej fuq ġewwa (il-“filosofija”). Min ikun irid xi ħaġa verament, tista’ ma toqgħod tfissdu xejn, għax minn jeddu jistinka. Fejn teħtieġ il-fsied u t-tmellis, it-twebbil u t-traħħim – hemm ifisser li la hemm volja u lanqas volontà. U r-riżultat ikun fjakk.
Dan ma jaqbilx mal-“għerf konvenzjonali”. Dal-għerf tisimgħu f’pajjiżi oħrajn ukoll, bħal ngħidu aħna Franza. F’Jannar tas-sena l-oħra, Le Monde, gazzetta Franċiża, ippubblikat artiklu dwar il-popolazzjoni Franċiża qed tiċkien. Qalet li fl-2023 twieldu 20% anqas trabi fi Franza meta mqabbel mal-2010. Paragun mal-1950, twieldu 50% anqas. Skont Le Monde, ir-raġunijiet għal dan huma n-nuqqas ta’ għajnuna għat-trobbija tat-tfal, il-kriżi fil-qasam tad-djar, l-għażliet personali, u l-ansjetà dwar il-katastrofi klimatika.
Jien naħseb li dil-analiżi hi tajba f’parti biss. Għax fl-imgħoddi, meta l-klima filosofiku kien differenti, kien hawn aktar tbatija u aktar faqar, aktar gwerer u aktar mard, u aktar problemi u ostakli ta’ kull tip, imma l-familji xorta kienu jkunu ta’ 10, 15, saħansitra 18-il wild. Jiġifieri minkejja diffikultajiet li kienu ferm akbar mid-diffikultajiet li jissemmew il-lum, missirijietna xorta kien ikollhom familji kbar.
Bilfors ifisser li dak li jiddetermina l-kobor tal-familji hu l-klima “filosofiku”.

Tifrik tal-familja
Id-dinja kif issawret illum tagħti aktar importanza lill-jeddijiet tal-individwu milli lill-obbligi tiegħu. L-idea li l-għażliet tal-wieħed jisbqu l-ħtiġiet tal-kotra saret issaltan fuq ħajjitna. L-akbar żewġ eżempji: id-divorzju u l-abort.
Fid-dinja tal-Punent, id-divorzju mhux biss sar komuni, imma wkoll relattivament faċli biex tiksbu. Jiswa qabda flus u qabda dwejjaq, imma faċli biex jinkiseb.
Id-divorzju ta’ sikwit iġib miegħu l-konsegwenza li l-missirijiet ma jarawx lil uliedhom spiss, u l-ftit drabi li jarawhom ikun biss għal ftit ħin. Ovvjament, id-divorzju jġib miegħu piżijiet finanzjarji, ta’ spiss għall-missirijiet; iġib ukoll piżijiet psikoloġiċi. Id-divorzju jaf ifaqqar lil min m’għandux mezzi finanzjarji kbar, u jaf ukoll iwaqqa’ fid-dipressjoni. Hemm studji li jindikaw li r-rata ta’ dipressjoni fost l-iddivorzjati hi ogħla milli fost ir-romol.
Ħadd ma jiddiskutihom dal-affarijiet, għax donnu xi tabù tgħid li d-divorzju hu ħażin. Il-verità tal-fatti naħseb li hi li – niddiskutux jew le – il-biża’ hemm qiegħed, li raġel iġib l-ulied fid-dinja u mbagħad irid jgħaddi martirju sħiħ jekk ommhom titlob id-divorzju, bil-Qrati u l-Istat iżommu magħha sempliċement għax hi mara. Il-kunċett bażilari tal-Ġustizzja – li kulħadd hu ndaqs – jintesa f’dal-kwestjonijiet.
Imbagħad għandek il-kustjoni l-oħra, il-kisba l-kbira tal-Liberali: l-abort. Fil-bidu, l-abort kellu jkun biss għall-hekk-imsejħin “emerġenzi mediċi”. Biż-żmien, l-aċċess għall-abort sar ukoll jekk ma jkunx hemm emerġenza medika, imma jkun hemm biss ix-xewqa tal-mara li twaqqaf it-tqala (jiġifieri, teqred it-tarbija f’ġufha). Dal-iżvilupp fisser ukoll li mara tista’ toqtol lil wildha mingħajr ma tgħid lill-missier. U din isseħħ spiss, anki fiż-żwieġ. Huwa komuni li nisa miżżewġin jabortixxu mingħajr ma jgħidu lil żwieġhom.
Daħlet il-kultura, allura, li l-missier ma jiswa xejn.
Daż-żewġ “kisbiet” (id-divorzju u l-abort) bilfors kellhom effett fuq il-popolazzjoni – għax meta int qed tgħid lill-irġiel li ma jiswew xejn, u li l-paternità ma tiswa xejn, tista’ toffrilhom flus u perkaċċi għax xorta jibqa’ l-fatt li l-messaġġ li qed jirċievu hu: intom m’intom ħadd u m’intom xejn. Dak li jkun jgħidlek, la ma jien ħadd u ma jien xejn, għaliex għandi nagħmel l-isforz u s-sagrifiċċju li nġib it-tfal fid-dinja? Meta mbagħad saqaf fuq rasi se jbażwarni, irrid naħdem żewġ xogħlijiet jekk mhux tlieta biex forsi nlaħħaq, u jekk il-mara titlaqni rrid inħallas il-manteniment?

Żewġ problemi oħrajn, ta’ natura differenti
Studju ppubblikat m’ilux fil-ġurnal Reproductive Biology and Endocrinology, ippropona għaliex qed jonqos il-għadd tal-isperma fl-irġiel. Ir-raġunijiet ewlenin jidher li huma t-tipjip u t-tniġġis tal-ambjent. It-tnaqqis fil-għadd tal-isperma fl-irġiel hu problema enormi madwar id-dinja kollha: jidher li fl-aħħar 50 sena, il-għadd ta’ sperma prodott mill-irġiel naqas bin-nofs.
Problema oħra hi l-pillola anti-konċezzjonali. Din mhux biss iżżomm lin-nisa milli joħorġu tqal imma wkoll tibdlilhom kif jaraw lill-irġiel. Meta jkunu għaddejjin mill-ovulazzjoni, in-nisa jfittxu rġiel b’karatteristiċi maskili, mentri meta ma jkunux għaddejjin mill-ovulazzjoni, ifittxu rġiel delikati u anqas maskili. Il-pillola twaqqaf l-ovulazzjoni u ġġiegħel lin-nisa jfittxu rġiel anqas maskili.
Imbagħad għandek il-misħuta pillola tal-abort. Li tinxtara qisu xejn mhu xejn. Jiġifieri wara li mara tagħżel raġel maskili li jinzerta jkollu biżżejjed sperma u jinzerta jrid jieħu r-riskju li jagħmel it-tfal… il-mara taf (għal raġunijiet anki egoistiċi jew superfiċjali) tieħu l-pillola tal-abort, u l-possibilità ta’ ħajja ġdida tinqered.
Bilfors il-popolazzjoni tkompli tiċkien. L-id inviżibbli ta’ Adam Smith taħdem biex iċċekkinha mhux tkabbarha l-popolazzjoni.

Ulied ma’ nies differenti
Sar komuni għal ġuvni li jkollu l-ulied minn tliet tfajliet differenti li kull waħda minnhom imbagħad ikollha l-ulied minn irġiel/ġuvintur differenti. Fejn se twassal dil-istrateġija tal-għemil tal-ulied ma nafx, imma naħseb li hu fenomenu li għandu jiġi studjat.
Hemm bżonn nagħtu kas tal-fehmiet tal-esperti.
Imma fuq kollox, jeħtieġ niftħu t-tank taż-żibel u narmu darba għal dejjem l-ideoloġija liberali u nirritornaw għal mod ta’ ħsieb tradizzjonalista.
Jew hekk, jew il-popolazzjoni Maltija tgħib. L-għażla f’idejna