Lokali

OPINJONI: Viva l-U Turns

Irid vera jkollok wiċċek itik biex sena wara li ppruvajt tiddemonizza lil ħaddieħor issa tmur tgħid eżatt dak li dwaru iddemonizzajt

minn Angelo Micallef

Il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jibni reputazzjoni mhux ħażin għall-abbiltà straordinarja li għandu sabiex illum jgħid mod u għada jmur jgħid totalment l-oppost.
Tiftakru fi żmien l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, inqas minn sena ilu, kemm beżża’ bil-babaw u qalilna li Roberta Metsola trid il-gwerer sempliċiment għaliex Roberta Metsola tkellmet favur żieda fl-investiment fid-difiża tal-Ewropa fl-isfond tal-klima politika turbolenti li hawn bħalissa fid-dinja?
Tiftakru kemm ħabbat idejh fuq sidru u qalilna li filwaqt li huwa t-tarka tal-paċi u l-Partit Nazzjonalista jrid jibgħat lil uliedek għall-gwerra?
Inqas minn sena wara l-istess Robert Abela issa qed jgħidilna li għandna bżonn ninvestu aktar fid-difiża u li hemm bżonn niddiskutu l-mod kif titħaddem il-klawsola tan-newtralità. Irid vera jkollok wiċċek itik biex sena wara li ppruvajt tiddemonizza lil ħaddieħor issa tmur tgħid eżatt dak li dwaru iddemonizzajt.

Forom ġodda ta’ difiża
Ħa nkun ċar, l-idea li pajjiżna jinvesti aktar fid-difiża hija idea tajba. Daqs kemm hija idea tajba li l-Unjoni Ewropea tibda tfittex li jkollha l-abbiltà li tiddefendi lilha nfisha mingħajr ma jkollha tmur tittallab il-karità ta’ ħaddieħor. Illum il-ġurnata meta wieħed jitkellem dwar difiża wieħed ma jkunx qed jitkellem biss fuq l-armamenti imma jkun qed jitkellem fuq forom ġodda ta’ difiża fosthom gwerer fuq l-internet, imsejħa popolarment cyberattacks. Ir-realtà hi li jeħtieġ li nkunu preparati bħalma jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tkun preparata.
Dan ma jfissirx li għandna nibdew nogħrku jdejna għall-ġlied jew li għandna nmorru nfittxu l-inkwiet b’idejna. Dan huwa biss pass ta’ prudenza li għandu jagħmel kull min ma jixtieqx li jinqabad fuq sieq waħda f’każ li, allaħaresqatt, tfaqqa’ xi kriżi.
Ugwalment idea tajba hija li nitkellmu b’mod matur dwar il-klawsola tan-newtralità ta’ pajjiżna. Klawsola miktuba fi żmien il-gwerra bierda meta l-Ewropa kellha litteralment ħajt fin-nofs li jifred l-isfera tal-influwenza Amerikana min dik Sovjetika. Klawsola li allura huwa ċar li jeħtieġ li tiġi aġġornata biex tirrifletti r-realitajiet tal-lum fosthom ir-realtà tagħna bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea. Li tkun membru tal-Unjoni Ewropea ma jmurx kontra l-idea li tkun newtrali tant li hemm stati membri oħra li huma newtrali imma ċertament li l-kliem użat għandu jkun kemxejn differenti min dak użat fl-eqqel tal-gwerra bierda.
M‘għandi ebda dubju li f’dan id-dibattitu l-Partit Nazzjonalista se joffri l-ideat tiegħu u se jkun proattiv sabiex jitħares l-ogħla interess nazzjonali. M’għandi ebda dubju li l-ogħla interess nazzjonali jibqa’ dejjem il-ħarsien tal-paċi, id-drittijiet umani u s-sovranità ta’ pajjiżna. Jalla l-Gvern jersaq lejn dan id-dibattitu bi spirtu miftuħ u mhux bil-kalkoli tal-għamad politiku quddiem għajnejh.

Grazzi
Waqt li nikteb dawn iż-żewġ kelmiet għadha kemm tħabbret il-mewt ta’ Mons. Victor Grech. Pajjiżna għandu dejn kbir lejn Mons. Grech li ddedika ħajtu kollha lejn ħidma bla waqfien. Ħidma li ta’ kuljum trodd tant frott. Ftit hemm x’tista’ tgħid ħlief grazzi u strieħ fis-sliem. M’għandi ebda dubju li mil-lum stess qiegħed igawdi l-mistrieħ ta’ dejjem.

Awguri
Nhar it-Tnejn li ġej pajjiżna jfakkar il-festa ta’ San Pawl Nawfragu. Hija festa importanti fil-kalendarju nisrani Malti għaliex tfakkar il-ġrajja ta’ meta l-appostlu Missierna San Pawl ġie nawfragat Malta biex b’hekk bdiet il-mixja nisranija ta’ pajjiżna. Naturalment hija festa sinonima wkoll mal-belt kapitali hekk kif hemmhekk tiġi ċelebrata din il-festa. Għalhekk l-awgurju tiegħi lill-Pawlini kollha għal festa mill-aqwa. Għandi rabta intima ma’ din il-festa li ma nista’ ninsa qatt hekk kif il-parroċċa ta’ San Pawl fil-Belt hija l-parroċċa li fiha ġejt mgħammed. Il-festa t-tajba u viva l-Appostlu Missierna San Pawl.