Lokali Qorti

Probation wara li nstab ħati biss ta’ ferita ħafifa fuq persuna fil-Marsa

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Marsa ma nstabx ħati li kkawża feriti gravi fuq raġel iżda li l-feriti kienu ħfief u ngħata probation ta’ sentejn wara li l-Qorti qieset diversi fatturi fil-każ. Oriġinarjament Francesco Brincat kien qed jiġi mixli li weġġa’ gravi persuna oħra wara li kien hemm skambju bil-kliem u bil-ġlieda teskala fejn Brincat qabad ħadida u ta daqqa biha lill-vittma.

L-Ispettur tal-Pulizija Ian Vella li kien ressaq lil Brincat, qal lill-Qorti li kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-akkużat u l-vittma nhar fl-20 ta’ Novembru fis-sena 2022, fi Pjazza Patri Magri fil-Marsa. Waqt dak l-argument, l-akkużat kien qal li qabad oġġett mill-art u laqat lir-raġel l-ieħor bih, filwaqt li żied li l-vittma ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.

Xhud importanti f’dan il-każ kien l-espert mediku mqabbad mill-Qorti, Mario Scerri, li eżamina lill-vittma f’Mejju tal-2023. Dan kien ittieħidlu CT scan tar-ras. Tenna li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ leżjonijiet trawmatiċi fir-ras u lanqas madwar l-imnieħer. Qal ukoll li l-vittma ma sofra l-ebda effett permanenti u lanqas se jkollu effetti permanenti, kull ma kienet, hija sempliċi laċerazzjoni.

L-imputat xehed li dakinhar kien għaddej minn Pjazza Magri bil-karozza, u f’kantuniera kien hemm l-allegat vittma. Tenna li hu u jdur il-kantuniera rah miexi f’nofs tat-triq u beda jgħolli idu u jikkummenta. Qal li l-kummenti ma semagħhomx għax kellu t-twieqi mtellgħa u hawn dlonk niżżel it-tieqa u qallu ‘għandek il-bankina fejn timxi’.

Brincat qal li talli qallu hekk beda jkellmu ħażin u joffendih b’ommu, bil-mejtin u bil-familja u r-razza. tiegħu. Qal li hu tela’ u beda jfittex għall-parkeġġ, u f’dak il-ħin mar warajh u hu (Brincat) beża’. Tenna li niżel mill-karozza u f’kantuniera kien hemm xi skart u kaxxi u l-ewwel ħaġa li ġiet f’idu qabadha u tah daqqa. L-imputat qal li ddispjaċih ta’ dak li kien għamel.

Il-psikjatra Joseph Spiteri qal fil-Qorti li Brincat hu ADHD u kien hemm żmien ukoll li kien jabbuża mill-cannabis. Kellu wkoll tfulija daqsxejn diffiċli u jitlagħlu malajr. Tenna li biex l-affarijiet jikkumplikaw ruħhom huwa beda jbati wkoll mill-OCD.

Brincat kien mixli bi ġrieħi gravi, aggressjoni, li għamel insulti, li għamel theddid jew provokazzjonijiet, li kiser il-paċi, sewqan bl-addoċċ u li sar reċediv. L-avukat difensur ta’ Brincat, David Gatt irrimarka li l-klijent tiegħu kien ta stqarrija dettaljata u kien ikkopera mal-Pulizija waqt li kien arrestat. “Hu jbati minn ansjetà u OCD,” żied jgħid l-avukat.

“Kien qed isuq id-dar meta raġel wieqaf f’nofs it-triq meta kien waqqaf il-karozza u beda jitfa’ insulti lill-akkużat u lil ommu. L-akkużat ħareġ mill-karozza biex jara x’inhu l-każ u l-allegat vittma kien attakkah. L-akkużat qabad oġġett minn skip fil-viċin u ddefenda ruħu bih,” qal Gatt lill-Qorti.

Meta kien tressaq il-Qorti l-Avukat David Gatt kien għamel talba għal ordni ta’ protezzjoni kontra l-allegata vittma, fejn spjega li kienet it-tfajla ta’ Falzon stess li żammet lill-għarus tagħha lura milli jaggredixxi lill-klijent tiegħu.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella qalet li Brincat instab ħati li kkawża feriti ħfief fuq il-vittma, li kiser il-paċi pubblika u li sar reċidiv. Huwa kien illiberat mill-akkuża l-oħra miġjubin kontrih. Il-Qorti, madankollu, qalet li fid-dawl tal-karattru tal-imputat, is-sorveljanza tiegħu minn uffiċjal tal-probation hija mixtieqa. U dan fl-interess li tiġi assikurata r-riabilitazzjoni tiegħu u li jiġi protett il-pubbliku minn xi dannu li jista’ jagħmel l-istess imputat.

Il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba tal-prosekuzzjoni li l-imputat jiġi skwalifikat mil-liċenzja tas-sewqan. Hija ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin biex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittma għall-perjodu ta’ tliet snin. Brincat ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-espert mediku fis-somma ta’ €312.50.

Għal Brincat deher l-Avukat David Gatt filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella.