Edukazzjoni Knisja Lokali

Ftehim kollettiv għall-edukaturi bejn l-iskejjel tal-Knisja u l-MUT

L-Iskejjel tal-Knisja u l-Union tal-Għalliema (MUT) iffirmaw ftehim kollettiv tal-edukaturi li jaħdmu fl-Iskejjel tal-Knisja wara xhur ta’ negozjati. Il-ftehim hu validu għal ħames snin, bejn l-2023 u l-2027.

Minn dan il-ftehim kollettiv li sar illum fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana ppresedut mill-Arċisqof Charles Scicluna, qed jibbenefikaw madwar 3,200 edukatur li jaħdmu fis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u fil-55 skola tal-Knisja f’Malta u Għawdex. Huma bdew jibbenefikaw minn żieda sostanzjali fis-salarju b’reviżjoni fil-gradi tas-salarju tagħhom, allowances imtejba u kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol.

Dan il-ftehim, filwaqt li jassigura li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-impjegati, iħaddan u jirrispetta b’mod partikolari l-identità speċifika ta’ kull skola tal-Knisja li jaħdmu b’mod awtonomu iżda f’parametri regolati. Il-ftehim isostni li kull skola tal-Knisja għandha l-ethos tagħha li jirrifletti l-viżjoni tal-fundatur tagħha, filwaqt li taqsam l-istess valuri Kattoliċi ewlenin bħala parti minn settur edukattiv wieħed. Is-superjuri maġġuri tal-ordinijiet reliġjużi, retturi, diretturi, prinċipali u kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja taw il-kontribut tagħhom
sabiex jintlaħaq qbil fuq dawn l-aspetti.

Dan il-ftehim kollettiv hu mibni fuq il-ftehim settorjali ffirmat mill-MUT u l-Gvern f’Lulju tal-2024. L-Iskejjel tal-Knisja se jibqgħu jkollhom il-flessibbiltà li jqassmu l-ġurnata skolastika u s-sena akkademika tagħhom skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom waqt li jiġi żgurat li jintlaħaq in-numru ta’ sigħat ta’ tagħlim stabbilit, mingħajr ma jinqabżu l-ħinijiet tax-xogħol tal-edukaturi.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li “dan il-ftehim huwa turija cara li l-missjoni fejjieda tal-edukaturi tagħna għandha bżonn tiġi mħarsa, rikonoxxuta u apprezzata” u awgura li “kull min qed iħaddan il-vokazzjoni li jkun edukatur tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, ikollu l-faraġ u l-għarfien li qed jagħti kontribut siewi u essenzjali għall-kwalità tal-ħajja ċivili u l-futur tan-nazzjon.”

Id-Direttur Ġenerali tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, Ian Mifsud, spjega li dan il-ftehim kollettiv hu pass ieħor li jagħti ġieħ u rikonoxximent l-edukaturi u s-settur edukattiv f’Malta.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici, tkellem fuq kif dan hu ftehim importanti ħafna għall-MUT u għall-edukaturi kollha fl-Iskejjel tal-Knisja. Hu ftehim li filwaqt li jistabbilixxi l-parità bejn l-edukaturi impjegati mal-Istat u mal-Knisja, iħares l-interessi speċifiċi tas-settur u jassigura li l-Iskejjel tal-Knisja jibqgħu joffru edukazzjoni ta’ kwalità lill-istudenti kollha. Hu sostna li “permezz tal-ftehim ħadna ħsieb ukoll ir-realtajiet tas-settur tal-Knisja u tal-edukaturi tagħha, filwaqt li tejjibna l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pakkett finanzjarju, li jmur iktar lura mill-2023 u jibqa’ fis-seħħ sal-2027.”

Dan il-ftehim kollettiv ġie approvat kmieni din il-ġimgħa mill-maġġoranza assoluta tal-edukaturi membri tal-MUT li pparteċipaw f’votazzjoni u jaħdmu fis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u fl-Iskejjel tal-Knisja. Dan seħħ wara konsultazzjoni kontinwa tul il-proċess kollu.