Raġel ta’ 33 sena kellu s-sentenza ta’ tliet xhur ħabs effettivi sospiżi għal sena mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li nstab ħati li fera ħafif lill-eks sieħba tiegħu f’Ħal Tarxien. Il-każ seħħ fis-7 ta’ Diċembru 2022 fejn huwa kien qed jiġi akkużat ukoll li ħebb sabiex jinġurja, idejjaq jew jagħmel ħsara lill-vittma, li għamel inġurji jew theddid, b’mod li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni.
Il-koppja li għandhom tliet ulied u jirriżulta li l-parte civile kienet sabet xi messaġġi fuq il-mowbajl tar-raġel li wassluha ttemm ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Dakinhar li seħħ il-każ it-tnejn li huma kellhom seduta l-Qorti fejn hu kien insista sabiex iwassal lill-eks sieħba tiegħu l-Qorti.
Jirriżulta li f’ħin minnhom qam argument bejniethom fejn l-appellant beda jakkuża lill-parte civile li hija kellha lil xi ħadd ieħor. Hi qalet li f’dan il-ħin l-imputat ħebb għaliha u beda jgħajjarha. Minn naħa tiegħu, huwa ma xehedx quddiem l-Ewwel Qorti li kkundannatu piena ta’ ħabs effettiva.
Madankollu, mill-affidavit tal-kuntistabbli Whitney Hili jingħad li qalilha li jista’ jkun li laqatha f’wiċċha meta ħadilha n-nuċċali minn wiċċha, liema nuċċali kien rigal tiegħu. Fl-appell tiegħu l-akkużat jilmenta dwar l-apprezzament żbaljat tal-provi magħmul mill-Ewwel Qorti.
Qal li huwa m’għandu għalfejn jipprova xejn u li l-Prosekuzzjoni trid tipprova l-każ tagħha billi tressaq l-aqwa prova. Ikompli li kunflitt fil-provi jrid imur favur tal-persuna akkużata. Tenna li l-Prosekuzzjoni naqset li tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni u li għalhekk l-Ewwel Qorti kellha tilliberah anke fuq nuqqas ta’ provi.
Jisħaq li meta xehdet il-parte civile, hija ma kinitx ċerta mid-data li fih seħħ l-inċident, liema data ġiet indikata mill-avukat tagħha. Isostni li x-xiehda tal-parte civile ma tistax titqies bħala waħda kredibbli. Fit-tieni ilment tiegħu, l-appellant jargumenta li ċ-ċertifikati mediċi tal-feriti ħfief sofferti mill-parte civile
mhumiex konsistenti u mhumiex maħlufa.
Huwa qal li fil-kamp kriminali huwa obbligu li titressaq l-aqwa prova u li ċċertifikati msemmija kellhom jiġu skartati. Huwa jżid jgħid li hemm kunflitt bejn iż-żewġ ċertifikati, b’dana illi meta l-parte civile marret tirrapporta dakinhar tal-inċident hija ppruvat tesaġera dak li kienet qiegħda tħoss.
Jgħid li huwa sinifikanti f’dan ir-rigward li t-tabiba kitbet li l-parte civile kellha uġigħ mingħajr sinjali esterni ta’ feriti u jkompli billi jgħid li kulħadd jista’ jgħid li kien muġugħ. Jirreferi għat-tieni ċertifikat fejn il-leżjonijiet kienu ferm anqas u kienu biss feriti ħfief, li kienu jikkonsistu fi tbenġila.
Qal ukoll li dawn iċ-ċertifikati għandhom jiġu skartati speċjalment minħabba li l-ewwel tabiba ma kkonfermatx jekk kitbitx unikament dak li qaltilha l-allegata vittma. Fit-tielet ilment tiegħu, l-appellant jargumenta li t-tfal ma kenux preżenti meta seħħ l-inċident prinċipali bejn il-partijiet u dan bil-kontra ta’ dak li qalet l-Ewwel Qorti fis-sentenza appellata.
Jispjega li dan il-fatt huwa kkonfermat mir-rapport tal-Pulizija ppreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2024. Skont l-appellant huma kienu marru ġabru lit-tfal mingħand in-nanniet u marru jieklu. Mir-rapport jidher li wara qalilha sabiex tmur bil-kwiet u wara dan jidher li niżel mill-vettura, imbotta lill-parte civile, beda joffendiha u jgħidilha li ried il-flus li kien nefaq fuq xufftejha u fuq il-mowbajl.
L-akkużat itenni li għalhekk, minkejja li l-minuri setgħu raw u semgħu xi kliem mhux xieraq, bla ebda mod ma jirriżulta li huma kienu preżenti għall-inċident peress li l-ħafna mill-argument bejn il-partijiet kien diġà seħħ fl-assenza tagħhom.
Fir-Risposta tiegħu, l-Avukat Ġenerali qal li fir-rwol tagħha, din il-Qorti ma tiddisturbax id-diskrezzjoni tal-Ewwel Qorti jekk hija, mill-provi mressqa quddiemha setgħet tasal għal konklużjoni li waslet għaliha. Rigward l-ilment marbut mal-inċertezza fid-data tal-inċident, l-Avukat Ġenerali jispjega li anke jekk għal grazzja tal-argument il-parte civile insiet id-data tal-inċident, dan ma jwassalx sabiex ix-xiehda ma titqiesx kredibbli.
Isemmi li f’dak il-mument ix-xhud tkun mimlija emozzjonijiet u biża’. Minbarra dan, jindika li x-xhud xehdet kważi sena u nofs wara li sar l-akkadut u għalhekk id-dettalji ma kenux friski. Rigward l-ilment marbut mal-fatt li ċ-ċertifikati mediċi ma kenux maħlufa, l-Avukat Ġenerali jisħaq li l-ġurisprudenza
ma tinsistix li ċertifikat mediku jkun maħluf.
Jgħid li ċertifikat anke jekk mhux maħluf, huwa suffiċjenti sakemm mix-xiehda l-oħra jibqa’ xi dubju raġonevoli dwar jekk verament seħħitx l-offiża fuq il-persuna. Rigward il-punt li dawn iċ-ċertifikati huma kunfliġġenti, l-Avukat Ġenerali jispjega x’kienu s-sejbiet tal-ewwel tabiba u jinnota li l-parte civile ntbagħtet l-isptar għal verifiki ulterjuri.
Isemmi li t-tieni tabiba indikat ġrieħi simili għal dawk indikati mill-ewwel tabiba u għalhekk itenni li ma hemmx lok għalfejn dawn iċ-ċertifikati għandhom jiġu skartati. Fir-rigward tal-ilment rigward il-preżenza tat-tfal, l-Avukat Ġenerali jargumenta li l-Ewwel Qorti ma qalitx li t-tfal kienu preżenti waqt l-inċident prinċipali iżda kienet qed tirreferi għall-fatt ta’ meta l-appellant ħareġ mill-vettura u mbotta lill-parte civile u beda joffendiha u li għalhekk jirriżulta li t-tfal kienu preżenti f’istanzi fejn l-appellant ġab ruħu b’mod
vjolenti.
Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, qalet li ma tħossx li ċertifikat mediku għandu
jiġi dejjem konfermat bil-ġurament sabiex jintuża bħala prova, però f’każ li jkun hemm allegazzjonijiet oħra.
Bħal pereżempju dati differenti, post fejn sar l-eżami ma jkunx l-istess, nuqqas ta’ deskrizzjoni ta’ feriti jekk humiex ħfief jew gravi, ma xiex huma kompatibbli l-feriti, jekk humiex friski jew le, ikun hemm bżonn li t-tabib jitħarrek bħala xhud sabiex iwieġeb għal dawn id-domandi bl-intiża li tali prova dokumentarja ma tħalli lebda dubbju f’moħħ il-ġudikant u jkun jista’ jintrabat mal-provi l-oħra biex tinħoloq katina sħiħa.
Il-Qorti qalet li għalkemm il-parte civile kellha xi diffikultà tiftakar ċertu dettalji bħall-ikla ġo fast food, dan ma jnaqqas xejn la mill-kredibbilta’ tal-verżjoni mogħtija minnha, u lanqas mill-awtentiċità taċ-ċertifikati li qed jiġu kkontestati.
Apparti minn dan, rigward in-natura tal-ġrieħi rappurtati mill-parte civile, mhux minnu dak li jgħid l-appellant u ċioè li kienu biss sintomi rappurtati minnha lit-tabiba daqslikieku kienet qed tivvinta. Din
il-Qorti tara li hemm rappurtat kemm in-nefħa fuq il-wiċċ u n-nefħa fuq ix-xedaq, dejjem fuq in-naħa tal-lemin.
In-nefħa u t-tbenġil mhumiex biss sintomi li wieħed jivvinta iżda huma ritratt ta’ aggressjoni. Illi rigward it-tielet ilment, m’għandux mis-sewwa dak li jargumenta l-appellant u ċioè li l-Ewwel Qorti qalet li meta seħħet l-aggressjoni din seħħet fil-preżenza tat-tfal.
Anzi l-Ewwel Qorti, wara li ssemmi l-inċident prinċipali, tgħid hekk fis-sentenza appellata: “Iktar tard xħin din ħarġet mill-karozza dan imbuttaha fil-preżenza ta’ wliedhom…”. Għalhekk l-Ewwel Qorti kienet ben konxja tal-fatt li l-preżenza tal-ulied ġiet wara, u ċioè meta seħħet l-aħħar parti tal-aggressjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Appell laqgħet in parte l-appell u rriformat is-sentenza appellata billi:
tikkonferma dik il-parti tas-sentenza appellata fejn sabet lill-appellant ħati tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontra tiegħu u tħassar u tirrevoka dik il-parti tas-sentenza appellata fejn hu ġie kkundannat tliet xhur priġunerija u minflok tikkundannah għall-perjodu ta’ tliet xhur priġunerija sospiżi għal perjodu ta’ sena.