Internazzjonali

Il-Greċja: Tkompli s-sensiela tat-terremoti f’Santorini, fost l-evakwazzjonijiet u l-inċertezza

Il-Prim Ministru tal-Greċja, Kyriakos Mitsotakis, qed jipprova jkun ottimist fid-dawl tat-terremoti u theżżiż  kontinwi li wasslu għall-evakwazzjonijiet tal-massa mill-gżira Griega ta’ Santorini li hi fost l-aktar resorts turistiċi mfittxija tal-Ewropa.

Mitsotakis, wara li ltaqa’ mal-esperti tat-taqsima għall-protezzjoni ċivili, qal li l-pjani għas-sigurtà tan-nies, issa, huma kollha implimentati – bil-qawwiet militari Griegi qed ikunu trasferiti lejn Santorini u gżejjer oħrajn fil-viċinanzi fejn se jkunu lesti għal kwalunkwe emerġenza.

Il-Prim Ministru, li fl-aħħar sigħat żar l-inħawi ta’ Santorini, anki appella lir-residenti li qed ikunu evakwati mill-inħawi biex jibqgħu kalmi waqt li jikkooperaw mal-awtoritajiet.

Intant, kien hemm it-terremoti ġodda fl-ibħra madwar Santorini, proprju sigħat wara li l-awtoritajiet lokali dikjaraw stat ta’ emerġenza. L-attività siżmika fiz-zona mistennija tkompli u wara li nħassu l-eluf tat-theżżiż fl-inħawi mill-ġurnata tal-Ħadd ‘il hawn,

Matul il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa kien seħħ terremot partikulari li reġistra kważi ħamsa fuq l-Iskala Richter u li kien, forsi, l-aktar qawwi fost din is-sensiela ta’ theżżiż. L-epiċentru tiegħu kien ikkalkulat bejn Santorini u l-gżira ta’ Amorgos u meta ftit tal-ħin wara, laqat terremot ieħor ta’ 4.2 fl-istess zona ta’ baħar.

Intant, ir-residenti li għad fadal f’Santorini qed jorganizzaw sistemi ta’ sorveljanza – fuq bażi ta’ ronda – biex jevitaw is-serq mid-djar li tħallew abbandunati fost l-eżodu tan-nies. Dan meta aktar minn 11,000 laħqu telqu minn Santorini fejn it-theżżiż qed ikunu reġistrati sempliċi ‘minuti ‘il bogħod minn xulxin’.

Mhux ċar meta se tikkonkludi din l-hekk-imsejħa ‘kriżi siżmika’  għal Santorini, fejn għalissa, ma rriżulta l-ebda telf ta’ ħajja b’kaġun tat-terremoti.

Madankollu, l-awtoritajiet ma jeskludux li, fiċ-ċirkustanzi, kapaċi jolqot terremot ‘ġdid’ u ‘ħafna akbar’ fost il-konsegwenzi katastrofiċi għal Santorini – b’mod partikulari l-famużi bini u djar bojod fuq stil ‘whitewashed’ li huma fost l-akbar attrazzjonijiet tal-gżira.